Parlament tad-dilettanti?

parlament

Il-Parlament hemm bżonn li jkun full-time.  Ma jistax ikun li nibqgħu b’Parlament tad-dilettanti. B’Membri Parlamentari li l-prijorita’ tagħhom hi l-professjoni jew ix-xogħol tagħhom.

Min għalih il-professjoni hi iktar importanti mill-Parlament jagħmel tajjeb li jiddedika l-ħin tiegħu jew tagħha għall-professjoni u jħalli s-siġġu tal-Parlament għal min hu lest li jagħti prijorita’ lill-ħidma Parlamentari.

Bħalissa għandna Parlament li fost il-Membri tiegħu għandu min il-prijorita’ tiegħu hi li  jara lill-klijenti fil-klinka jekk tabib, jew fl-uffiċċju jekk avukat jew Perit jew xi xogħol ieħor. Imbagħad, x’ħin ilesti, u  jekk ikunu baqa’ ħin imur il-Parlament.

Il-konsegwenza ta’ dan tidher fil-ħidma tal-Parlament, għax il-Parlament xogħolu m’hux jagħmlu, għax ħin biżżejjed x’jiddedika m’għandux.

Il-Parlament Malti hu l-uniku wieħed fl-Unjoni Ewropeja li ma kienx kapaċi jirreaġixxi fid-dettall meħtieġ  għal mijiet ta’ proposti ta’ liġi tal-Unjoni Ewropeja. Dan id-dritt li inkiseb bit-trattat ta’ Liżbona u li permezz tiegħu l-Parlamentari tal-Istati Membri jistgħu jinfluwenzaw u f’xi każi jwaqqfu leġislazzjoni Ewropeja għalina l-Maltin qiesu ma jeżistix għax il-Parlament Malti huwa wieħed tal-part-timers. Parlament tad-dilettanti.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat waqqaf Bord  biex jagħtih proposti dwar kif għandhom ikunu imfassla s-salarji ta’ dawk li jokkupaw uffiċċju politiku. Din il-Kummissjoni li hi magħmula mill-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-Uffiċjal Elettorali Ewlieni, l-bieraħ t-Tlieta 15 t’Ottubru iltaqgħet ma’ Alternattiva Demokratika.

Jiena u Arnold Cassola tkellimna magħhom fit-tul u fissirnielhom il-proposti fil-programm elettorali ta’ Alternattiva Demokratika. L-ewwel fosthom li l-Parlament jeħtieġ li ikun wieħed ta’ full-timers u li l-Membri Parlamentari m’għandhom jagħmlu l-ebda xogħol ieħor għajr dak tal-Parlament.

Dan ifisser li m’għandhomx jinħatru fuq Bordijiet tal-Gvern, kif sar dan l-aħħar. Biex inkun preċiz mhux issa biss sar dan. Sar ukoll fi żmien Gvernijiet oħra. Imma issa sar fuq skala ikbar milli sar fi żminijiet oħra.

Ifisser ukoll li l-Membri Parlamentari jkollhom iktar ħin biex jagħmlu dak li suppost jagħmlu, jiġifieri li jiflu l-ħidma tal-Gvern.

F’Parlament tad-dilettanti l-Gvern jagħmel li jrid. F’Parlament fejn il-membri jkollhom il-ħin biex xogħolhom jagħmluh il-Gvern jimxi ħafna aħjar.

Dan hu l-Parlament li jixirqilna bħala pajjiż, mhux Parlament tad-dilettanti.

Ara ukoll l-istqarrija ta’ Alternattiva Demokratika li tinkludi l-proposti kollha sottomessi. Agħfas hawn.