Wara l-istqarrija tal-Ministru Manwel Mallia fil-Parlament huwa ġustifikat li nistaqsu: issa fejn sejrin?
Il-posizzjonijiet tal-Gvern u l-Opposizzjoni jikkuntrastaw mhux daqstant fl-iskop daqskemm fil-metodu.
Ilkoll kemm aħna naqblu li l-piż tal-immigrazzjoni għall-pajjiżna hu kbir. Naqblu lkoll li għandna nipproteġu l-ħajja bla limitu jew kundizzjonijiet iżda li dan l-impenn tagħna m’għandux ikun abbużat.
Ilkoll naqblu li l-għajnuna li tatna s’issa l-Unjoni Ewropeja biex nistgħu naqdu aħjar l-obbligi tagħna li nħarsu l-ħajja ta’ dawk li jeħtieġu din l-għajnuna ma jeżenta lil ħadd mill-obbligi kbar li hemm ta’ kull pajjiż li jifforma parti mill-Unjoni Ewropeja lejn il-pajjiżi fuq il-fruntiera.
Huwa ukoll fatt, li ħadd ma semma il-lejla fil-Parlament li billi l-materja tal-immigrazzjoni mhiex waħda mir-responsabbiltajiet komuni tal-Unjoni azzjoni dwarha teħtieġ l-unanimita’, jiġifieri li jaqblu l-pajjiżi kollha. U jekk din l-unanimita ma tkunx teżisti ftit li xejn jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet .
Saru diversi tentattivi tul is-snin biex jintlaħaq xi forma ta’ ftehim. L-uniku pass li kien hemm qbil dwaru kien illi jgħin min irid, fuq bażi volontarja. Fuq it-TVM2 David Casa nhar il-Ħadd qal li kienu 4 biss il-pajjiżi li offrew l-għajnuna, liema għajnuna issarfet filli dawn ħadu madwar 700 immigrant f’pajjiżhom. Numru ferm żgħir li nqabeż anke mill-għajnuna li tatna l-Istati Uniti tal-Amerika.
Huwa f’dan il-kuntest li wieħed irid jiċcara li l-konflitt ta’ Malta mhux mal-Unjoni Ewropeja iżda mal-Kapijiet tal-Gvern li miġbura flimkien fil-Kunsill Ewropew jieħdu id-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tkun teħtieġ li timplimenta. Għaxra mit-28 Gvern ta’ pajjiżi fil-UE huma immexxija minn Prim Ministri Soċjalisti, 13 minn Prim Ministri ġejjin mill-Partit Popolari. Id-diversita’ ta’ opinjonijiet hi kbira għax ilkoll kemm huma jridu jirrispondu għal opinjoni pubblika kritika f’pajjiżhom.
Kollox ser idur fuq il-kapaċita ta’ Herman van Rompuy President tal-Kunsill li iktar kmieni din is-sena kien hawn Malta u indirizza l-Parlament Malti. Van Rompuy għandu l-fama ta’ consensus builder u l-probabbilta’ li l-problema tispiċċa f’ħoġru.
F’Ġunju li għadda lill-Parlament kien qallu “I am fully aware of Malta’s concerns.” Jekk minn dan l-għarfien jirnexxilux iwassal għal soluzzjoni iżda għad irridu naraw.