Kaċċa fir-Rebbiegħa? Le grazzi !

turtle dove

Tnax-il għaqda ambjentali flimkien ma Alternattiva Demokratika ġimgħat ilu waqqfu l-Koalizzjoni għall-Abolizzjoni tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa.  Dan hu kunsens wiesa’ u uniku : l-ewwel darba li f’Malta daqstant organizzazzjonijiet li japprezzaw l-ambjent ingħaqdu flimkien biex imexxu l-quddiem proposta waħda.

Dawn l-organizzazzjonijiet huma : Ramblers Association of Malta,  Nature Trust-Malta,  Moviment Graffiti,  Malta Organic  Agriculture Movement,  International Animal Rescue Malta, Greenhouse Malta, Gaia Foundation, Friends of the Earth Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Din l-Art Ħelwa, Coalition for Animal Rights, BirdLife Malta u Alternattiva Demokratika.

Il-kaċċa fir-rebbiegħa m’hemmx lokha. L-għasafar li fir-rebbiegħa jpassu minn fuq Malta jiġu maqtula fl-iżjed mument li huma vulnerabbli, meta jkunu qed iħejju biex ibejtu biex ikollhom il-friegħ. Hu l-iżjed żmien li jeħtieġu protezzjoni. Din il-protezzjoni għandha tingħata billi l-kaċċa fir-rebbiegħa tieqaf, darba għal dejjem.

La l-Gvern tal-lum u l-anqas il-Gvern tal-bieraħ ma jaqblu ma dan u allura l-unika mod kif miżura ta’ din ix-xorta isseħħ hu billi l-poplu jieħu d-deċiżjoni f’idejh permezz ta’ referendum. Referendum ta’ din ix-xorta jissejjaħ mill-poplu kemm-il darba jkun hemm 10% tal-votanti li isimhom jidher fir-reġistru elettorali (madwar 34,000) li jaqblu li dan isir.

Il-ġbir tal-firem beda u s-issa diġá qabeż l-10,000 firma. Meta n-numru ta’ firem jaqbeż l-34,000 dawn jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni Elettorali biex jibda l-proċess ta’ referendum abrogattiv, jiġifieri referendum li jħassar ir-regolamenti li jippermettu l-kaċċa fir-rebbiegħa. Dan għandu jwassal biex nissejħu ħalli nivvutaw dwar jekk naqblux jew le li dawn ir- regolamenti li jippermettu l-kaċċa fir-rebbiegħa jispiċċaw darba għal dejjem.

Jekk fil-votazzjoni li ssir il-maġġoranza taqbel li dawn ir-regolamenti jitħassru, hekk isir. Dak il-ħin stess mingħajr il-ħtieġa li jintervjeni l-Parlament. Għax il-poplu jkun iddeċieda.

Ma dan, hemm min jaqbel u ovvjament hemm ukoll min ma jaqbilx. Għalhekk hemm bżonn li niddeċiedu billi nivvutaw.

Jekk inti li qed taqra dan l-artiklu taqbel ma dan ħu ħsieb li tiffirma l-petizzjoni biex jissejjaħ dan ir-referendum. Tista’ tikkuntattja lil waħda mill-għaqdiet li jissemmew hawn fuq inkella billi tikteb lill-Koalizzjoni għall-Abolizzjoni tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa fuq cashmalta2013@gmail.com.

 

Ippubblikat fuq iNews It-Tlieta 8 t’Ottubru 2013

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s