Il-ftehim bejn Malta w iċ-Ċina

Malta-China

Il-ftehim maċ-Ċina li jinkludi appoġġ għall-Enemalta messu sar bħala riżultat ta’ proċess trasparenti.

Il-ftehim innifsu għad irid jiġi negozjat u kullma sar s’issa huwa ftehim fil-prinċipju, msejjaħ Memorandum of Understanding.

Dwar dan ikkummentajt dal-għodu waqt il-programm ta’ diskussjoni mtella’ minn Andrew Azzopardi “Għandi xi ngħid” fuq Radio Malta.

Il-ftehim propost mhux biss dwar l-Enemalta. Joħloq  opportunita għac-Ċina biex tippenetra is-Suq Ewropew għall-pannelli fotovoltaiċi. Dan li jagħmel il-ftehim attraenti għac-Ċina. Iċ-Ċina pajjiż ħabib u jaf iħaddem ftehim ta’ din ix-xorta b’intelliġenza tali li jkun verament ftehim two-way. Jiġifieri m’għandix dubju, għax hekk jidher,  li l-ftehim propost ser ikun wieħed ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat.

Imma tibqa’ l-mistoqsija: stajna wasalna għal ftehim aħjar?

Anke’ jekk wieħed jaċċetta li Malta tista’ tiggwadanja minn ftehim ta’ din ix-xorta il-fatt li l-ftehim sar wara diskussjionijiet esklussivi mal-Gvern tar-Repubblika taċ-Ċina  fih innifsu hu mod żbaljat ta’ kif isiru l-affarijiet.  Bħala riżultat ta’ dan ma nafux jekk kienx hemm ħaddieħor (Gvern jew Kumpanija) li kien interessat f’investiment fl-Enemalta u jekk dan kien il-każ l-anqas ma nafu x’kien ikun lest li jinvesti.

Fil-waqt li jiena nawgura li minn dan il-ftehim joħroġ il-ġid għall-pajjiż jibqa’ l-fatt li dan mhux l-aħjar mod kif jiġu amministrati ħwejjeġ il-pajjiż.