Wara l-każ Norman Vella: min qiegħed imexxi l-korp?

Silvio Scerri + Peter Paul Zammit

Li l-Pulizija jinvestigaw suspett ta’  reat hu sewwa.  Imma li wara li teżamina l-affarijiet u ma issib xejn tibqa’ tippersisti mhux sempliċi żball iżda abbuż.

Is-sentenza tal-Maġistrat il-lejla illi ma kien hemm l-ebda suspett raġjonevoli li Norman Vella wettaq xi reat hu ċertifikat ċar li l-Pulizija abbużat mill-poteri tagħha.

Huwa inkwetanti  li l-Pulizja sa dal-għodu, fi kliem il-Kummissarju tal-Pulizija, kienu għadhom qed jinvestigaw xi ħaġa li ma kienitx teżisti.

Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati hemm bżonn li l-Kummissarju tal-Pulizija jispjega ftit x’ġara. Jeħtieġ li jispjega x’rapporti saru u x’ser jagħmel issa li irriżulta li r-rapporti li l-Pulizija irċeviet mingħand żewġ persuni identifikati  kienu rapporti foloz.

Sfortunatament minn dan il-każ jidher ċar li dan m’huwiex każ ta’ inkompetenza imma iktar każ ta’ abbuż.

Ikun tajjeb jekk il-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit jirrealizza li b’dan il-każ li sar taħt it-tmexxija tiegħu tal-Korp tal-Pulizija beda jkun ċar li l-korp m’huwiex immexxi sewwa.

Il-mistoqsija li tagħha tinħtieġ tweġiba hi: min qiegħed imexxi l-korp fir-realta’? Żgur li mhux Peter Paul Zammit ! 

Bla dubju l-abbuż ikompli.

Prosit Norman.

Meta ex-Prim Ministru korrott xtara passaport mingħand il-Montenegro

Taksin with Montenegrin passport

Thaksin Shinawatra kien Prim Ministru tat-Tajlandja bejn l-2001 u l-2006. Fl-2006 tneħħa minn kolp ta’ stat b’akkużi ta’ korruzzjoni u abbuż ta’ poter.

Minn dakinhar sal-lum għex prinċipalment fid-Dubai.

Meta ħarab mit-Tajlandja ftit wara l-kolp ta’ stat kien xtara l-Manchester City l-klabb tal-futbal Ingliż.

Kien nefaq 82 miljun lira sterlina biex xtara 75% tal-isħma tal-klabb iżda ftit wara biegħu lil investituri Għarab minn Abu Dhabi.

Maħrub minn pajjiżu li jridu lura biex jgħaddi proċeduri kriminali dwar korruzzjoni, Thaksin Shinawatra xtara ċ-ċittadinanza tal-Montenegro. Il-Montenegro toffri ċ-ċittadinanza lil min jinvesti iktar minn €500,000 fil-pajjiż. Ftit irħas minn kemm ser tiġi tiswa ċittadinanza ekonomika f’Malta.

U bil-ħaqq ftit wara li l-Montenegro beda l-proċess biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropeja, fuq talba tal-EU, fl-2010 l-Montenegro iffriża l-bejgħ tal-passaporti.

Malta qed tiġri wara dawn it-tip ta’ klijenti.

Xaqq ta’ dawl fil-Parlament ?

ray-of-hope

Id-diskussjoni tal-lejla fil-Parlament dwar dak li ġara fil-Kunsill Ewropew, bħalma jiġri bosta drabi fil-Parlament wasslet għal diversi espressjonijiet bombastiċi.

Malta, qalilna Joseph Muscat warrbet għal kollox is-sens ta’ inferjorita, qamet fuq saqajha u bdiet issemma leħinha. Wow………………………..

Min-naħa l-oħra Simon Busuttil qalilna li Joseph Muscat jagħmilha tal-cowboy f’Malta u tan-nagħġa fi Brussels.

Dikjarazzjonijiet dawn li juru li l-iktar importanti il-lejla fil-Parlament kien l-argument partiġjan. L-appell għas-sentiment populista. Wieħed ifaqqa’ mod u l-ieħor ifaqqa’ bil-maqlub.

Imma kien hemm xaqq żgħir ta’ dawl fid-diskors ta’ Mario de Marco li appella għal posizzjoni komuni u dan għax hemm biżżejjed qbil li fuqu tista’ tinbena din il-posizzjoni waħda fl-interess nazzjonali.

Ma nafx jekk hux tad-daħq inkella tal-biki li fuq il-poliitka tas-servizzi finanzjarji l-Gvern u l-Opposizzjoni jaqblu li hemm kunsens fl-interess nazzjonali imma dwar bnedmin tad-demm u l-laħam vittmi f’pajjiżhom u vittmi ukoll tal-istituzzjonijiet internazzjonali m’hemmx li jaqblu.

Ma nistgħux nitkażaw bl-Unjoni Ewropeja li sabet il-mezzi biex turi solidarjeta mal-banek falluti u ma tistax taqbel fuq solidarjeta’ mal-pajjiżi effettwati mill-immigrazzjoni irregolari.

X’hemm differenti? Pajjiżna għandu l-istess prijoritajiet tal-ewropej: fuq il-flus naqblu malajr. Il-bqija jista’ jistennew.

Ir-retorika ………… l-unika ħaġa ċerta

Joseph Muscat Martin Schulz

 

Der Spiegel International irrapporta illi l-Kunsill Ewropew li ltaqa’ fi Brussels fi tmiem il-ġimgħa ittratta l-immigrazzjoni b’mod retoriku. Għal Der Spiegel ma tirriżulta l-ebda deċiżjoni ta’ sustanza dwar l-immigrazzjoni. Paroli biss.

Fil-fatt il-Kunsill Ewropew ippospona deċiżjoni dwar l-immigrazzjoni għal Diċembru li ġej.  Il-Prim Ministru Joseph Muscat ġustament  ikkummenta li għalkemm il-kliem li intqal u inkiteb kien promettenti, s’issa għadu biss kliem.  Il-Partit Laburista min-naħa l-oħra  jidher li hu sodisfatt filwaqt li l-PN ikkummenta li Joseph Muscat ġie lura Malta b’idu f’idu.

Alternattiva Demokratika jidhrilha illi hu tal-mistħija li l-Kunsill Ewropew jibqa’ jipposponi deċiżjoni dwar x’passi għandhom jittieħdu fuq livell ta’ Unjoni Ewropeja dwar l-immigrazzjoni fil-Mediterran. Dan jfisser li l-Kunsill Ewropew fis-siegħa tal-prova ma kienx kapaċi jqiegħed fil-prattika l-valuri Ewropej ta’ rispett lejn il-ħajja u id-dinjita tal-bniedem. L-Unjoni Ewropeja issa ilha s-snin tipposponi li tieħu deċiżjoni dwar solidarjeta’ prattika u effettiva.

Malta għandha pubblikament tappoġġa l-posizzjoni mittieħda mill-Partit tal-Ħodor Ewropej (European Green Party) dwar solidarjetá effettiva (responsibility sharing), riforma tal-Konvenzjoni Dublin II kif ukoll il-ħolqien ta’ metodi legali għall-migrazzjoni fl-Unjoni Ewropeja. Posizzjoni li diġa ħa ukoll Martin Schultz il-President Soċjal Demokratiku tal-Parlament Ewropew.

Minflok dan kollu l-Kunsill Ewropew ser jiddiskuti l-immigrazzjoni f’Diċembru li ġej meta l-Kummissjoni Ewropeja ser tresssaq ir-rapport ta’ ħidma tat-Task Force dwar il-Mediterran li twaqqfet diġa u dan “bil-ħsieb li jittieħdu deċiżjonijiet operazzjonali”.  Dwar x’inkunu dawn id-deċiżjonijiet u jekk fil-fatt jittieħdux għadu kmieni ħafna. Iktar u iktar meta niftakru li numru ta’ pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropeja (x’aktarx madwar tlettax) ma jaqblux li għandhom ikollhom xi sehem biex jerfgħu l-piż tal-immigrazzjoni fil-Mediterran. Ma dan ma irridux ninsew li biex tittieħed deċiżjoni  irid ikun hemm qbil unanimu. Jiġifieri minkejja d-dikjarazzjoni ta’ Joseph Muscat li rnexxielu jikseb l-appoġġ tal-Prim Ministri Soċjalisti kollha fil-Kunsill Ewropew għad m’hemm xejn ċar dwar kif ser jiżviluppaw l-affarijiet.

L-unika ħaġa ċerta s’issa hi r-retorika.

Minkejja dan kollu, f’din is-siegħa ta’ prova, Alternattiva Demokratika tappoġġa l-insistenza tal-Gvern Malti dwar il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropeja taġixxi immedjatament dwar l-immigrazzjoni, insistenza li jidher li hi appoġġata minn 15-il Gvern fl-Unjoni Ewropeja, fuq quddiem dawk tal-Greċja u l-Italja. L-immigrazzjoni fuq il-fruntiera Mediterranea tal-Unjoni Ewropeja hi materja li tikkonċerna l-Unjoni kollha u hi ta’ serjeta’ u gravita daqs kull materja Ewropeja oħra.

Alternattiva Demokratika filwaqt li tifhem li hu neċessarju li l-Gvern Malti jgħaddi kummenti iebsa fil-konfront tal-istituzzjonijiet Ewropej tittama, iżda,  li dan il-kliem iebes ma jkunx ta’ ostaklu biex id-deċiżjonijiet li jiġu mittieħda ikunu tali li jirrispettaw id-dinjita’ umana tal-immigranti f’kull ħin.

Ippubblikat f’ iNews : It-Tnejn 28 t’Ottubru 2013

Norman Vella : x’inhu jiġri ?

Norman Vella

Jagħmlu sewwa l-Pulizija li jinvestigaw ksur tar-regoli ta’ imġieba f’żona ta’ sigurta’ bħalma hi iż-żona ristretta tal-ajruport.

Iżda x’inhu jiġri eżatt ħadd ma jaf. Għax filwaqt li Norman Vella qal li ġie investgat u interrogat dwar allegat teħid ta’ ritratt fiż-żona ristretta tal-ajruport ma jidher li ġie ippubblikat l-ebda ritratt (s’issa).

Is-sigurta’ fl-ajruport hi materja serja ħafna u għandna nieħdu pjaċir li qed tingħata attenzjoni.

Hu fl-interess ta’ kulħadd li l-każ ikun riżolt malajr.  Jekk il-Pulizija investigaw suspett fondat u dan irriżultalhom għandhom jieħdu passi immedjatament. Jekk le, fiċ-ċirkustanzi għandhom l-obbligu li jispjegaw l-affarijiet kif ġraw.

Lejn Ċittadinanza Ekonomika li tagħmel sens

Malta golden passport 1NevisStKittsPassport

X’għadna inqas minn pajjiżi oħra?

Hu f’dan il-kuntest li ġiet imqegħda l-proposta għal ċittadinanza ekonomika tal-Gvern immexxi minn Joseph Muscat. Għadna lura, komplew jgħidu. Pajjiżi oħra imxew u aħna ħdejhom qiesna għadna fil-pre-istorja!

Ir-realta’ imma hi ftit differenti.

Preżentement hemm żewġ tipi ta’ Ċittadinanza Ekonomika. Dik li tingħata bħala rikonoxximent u dik li tinxtara.

Fl-Awstrija ċ-ċittadinanza ekonomika tingħata li min permezz ta’ investiment jagħti kontribut għat-titjib ekonomiku tal-Awstrija li tkun irrizultat f’ żieda fl-impiegi jew fl-esportazzjoni .

Hemm imbagħad iċ-ċittadinanza li tista’ tinxtara.

St Kitts u Nevis fil-Karibew mill-1984 bdiet skema li tagħtik iċ-ċittadinanza jekk tinvesti $400,000 fil-bini flimkien ma ħlas ta’ miżati oħra. Tista’ minflok ma tinvesti fil-bini tagħmel donazzjoni ta’ mhux inqas minn $250,000 lis-Sugar Industry Diversification Foundation. Din hi fondazzjoni imwaqqfa biex tiffinanzja d-diversifikazzjoni fl-ekonomija.

St Kitts u Nevis hu pajjiż żgħir b’popolazzjoni ta’ 51,000. Kiseb l-indipendenza fl-1983.  Għadu fil-pre-istorja tal-iżvilupp tiegħu.

Hemm skema simili f’Dominica, ukoll fil-Karibew, fejn huma meħtiega donazzjonjiet ta’ mhux inqas minn $100,000 lill-istat biex tkun tista’ tinxtara ċ-ċittadinanza.

Informazzjoni iktar dettaljata wieħed jista’ jiksibha mill-website tal-konsulenti tal-Gvern Malti : Henley & Partners.

Hu ċar minn dan li hemm żewġ toroq għaċ-ċittadinanza ekonomika. Dik tal-Awstrija tirrikonoxxi lis-settur privat. Dik ta’ St Kitts u Nevis jew Domenica hi ibbazata fuq rwol iktar ċentrali tal-istat.

Hemm it-triq pre-istorika li twassal għal xiri taċ-ċittadinanza  kif jagħmlu St Kitts u Nevis flimkien ma Domenica. L-individwu jixtri ċ-ċittadinanza u l-prezz imħallas ikun investit fi proġetti partikolari.

It-triq l-oħra imħaddma mill-Awstrija hi waħda ta’ rikonoxximent  mogħti mill-istat lil min jinvesti fil-pajjiż u joħloq ix-xogħol u b’hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż.

Quddiem dawn iż-żewġ toroq it-triq li għażlet l-Awstrija hi t-triq dinjituża li jagħżel pajjiż modern.  Ikun tajjeb li nimxu f’din it-triq. Sfortunatament s’issa il-Gvern ta’ Joseph Muscat għażel it-triq oħra, triq preistorika.

Għad hemm iċ-ċans li tinbidel ir-rotta. Nittama.

Parlament full-time?

parlament

Il-bieraħ ħadt sehem f’diskussjoni qasira fuq TVam flimkien mal-Psikjatra Joe Cassar (PN) u l-Avukatessa Deborah Schembri (PL).

Id-diskussjoni kienet dwar il-proposta ta’ Alternattiva Demokratika li l-Parlament għandu jaħdem fuq bażi full-time mhux bħal ma jaħdem il-lum, part-time.

Hemm ħafna xogħol li l-Parlament jeħtieġ li jagħmlu u ma jagħmlux għax ħin m’għandux.

Il-ħidma tal-Gvern ftit li xejn issir sorveljanza tagħha fid-dettall mistħoqq. Dak li għaddej fl-Unjoni Ewropeja ma jiġix mgħarbel kif meħtieġ. Dan minkejja li l-Parlament ta’ stat membru illum il-ġurnata bħala riżultat tat-trattat ta’ Liżbona għandu rwol importanti fil-proċess leġislattiv Ewropew.

Il-Parlament u l-Parlamentari għandhom bżonn lil min jassistihom fir-riċerka. Qasam injorat għal snin twal.

Kont sorpriż iżda bl-argument li dwaru qablu Joe Cassar u Deborah Schembri dwar li jista’ jkollok Parlament full-time imma l-Parlamentari mhux bil-fors ikunu full-timers. Jiġifieri dawn iridu sistema li tippermetti li uħud mill-Membri tal-Parlament jagħżlu li jkunu full-timers u lil oħrajn li jagħżlu li ma jkunux u dan minħabba li l-professjoni jew xogħol ieħor tagħhom jokkupalhom iktar ħin. Din hi l-attitudni li tirreżisti l-ħtieġa li kull Membru Parlamentari jagħti l-ħin kollu għall-Parlament għax sfortunatament għad hawn min irid li jibqa’ jkollu sieq waħda fuq naħa u s-sieq l-oħra fuq in-naħa oħra.

Għad għadna Membri Parlamentari li jippreferu jagħtu l-attenzjoni prinċipali tagħhom lill-professjoni. Jeħtieġ li issir għażla għax il-prattika tal-professjoni u l-ħidma parlamentari huma żewġ responsabbiltajiet li faċilment jikkonfliġġu u jistgħu joħolqu konflitt ta’ interess.

Nifhem l-attitudni, għax din ġejja minn persuni li uħud minnhom għadhom m’humiex konvinti l-anqas dwar il-ħtieġa li l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari  għandhom jieqfu mill-prattika tal-professjoni tagħhom.

Ir-rappreżentanti tal-PN u l-PL donnu li jridu jħallu f’idejn il-Membri Parlamentari individwali biex jiddeċiedu huma dwar jekk ikunux membri full-time jew part-time. Iridu li jkollna kemm Membri Parlamentari tal-ewwel diviżjoni (full-time) kif ukoll dawk tat-tieni diviżjoni (part-time). Fi ftit kliem iridu jibqgħu jipprattikaw il-professjoni u fl-istess ħin jippruvaw jaqdu r-responsabbiltajiet Parlamentari.

L-esperjenza sal-lum uriet li Parlament part-time hu Parlament dgħajjef. Parlament part-time hu Parlament li jabdika r-responsabbiltajiet tiegħu f’idejn il-Gvern tal-ġurnata.

Huwa billi jkollna Parlament li jagħmel xogħolu kollu li l-pajjiż jista’ jimxi l-quddiem. L-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż ma tistax tibqa’ tiffunzjona fuq bażi part-time.

Dan hu l-pass li jmiss għall-Parlament. Parlament iktar b’saħħtu jfisser demokrazija iktar b’saħħitha.

Kien jaf?

The World Bank

Matul il-ġimgħa li għaddiet, il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament  qal li ma kienx jaf u l-anqas ma kien infurmat illi Shiv Nair (konsulent tal-Gvern b’ċittadinanza Ingliża iżda residenti Malta) kien fuq il-blacklist tal-Bank Dinji u dan minħabba frodi.  Jekk taċċetta u temmen dan id-diskors hu inevitabbli li tasal għall-konklużjoni li dawk  ta’ madwar Joseph Muscat ma għamlux il-verifiki neċessarji kif meħtieġ dwar Shiv Nair, jekk fil-fatt qatt għamlu dawn il-verifiki.

Il-konsegwenza ta’ dan hu li bilfors tqis illi l-verifiki li jridu jsiru dwar dawk li ser jixtru passaport bil-prezz ta’ €650,000 flimkien ma €25,000 għall-mara kif  ukoll għal kull wild hemm il-possibilta li jsiru (jew ma jsirux) bl-istess mod u dan għax id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-passaport ser jeħodha l-politiku. Jiġifieri ħadd ma jagħti tort lil ħadd jekk naslu għall-konklużjoni li bil-bejgħ tal-passaporti li qed jipproponi l-Gvern jista’ jkun li nitwikkew b’xi erba’karattri mhux mixtieqa għax il-politiku jaf jagħlaq għajnejh u malajr iwaħħal f’ħaddieħor.

Dawn huma l-konklużjonijiet li tasal għalihom  jekk temmen dak li qal Joseph Muscat.

Imma jekk dak li qal Muscat ma temmnux imbagħad hemm konklużjonijiet ferm iktar gravi minn hekk.  Għax jekk minkejja dak li qal Joseph Muscat kien jaf bil-fatt li Shiv Nair kien fuq il-blacklist tal-Bank Dinji minħabba frodi,  imbagħad l-istorja tkun ħafna differenti. F’dak il-każ ikun hemm bosta mistoqsijiet li jkunu jeħtieġu tweġiba.

Xi darba inkunu nafu x’inhi il-verita’. Kien jaf jew ma kienx jaf?

ippubblikat fuq iNews : It-Tnejn 21 t’Ottubru 2013

Simon ma jiftakarx

busuttil_with_gonzi

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil illum tkellem dwar id-diversi ħatriet ta’ Membri Parlamentari mill-Gvern tal-Labour. Qalilna li dawn il-ħatriet huma ipokrezija politika.

It-Times online illum tirrapporta hekk :

“ This government, Dr Busuttil said, had  an element of immorality in how it behaved, buying people’s silence at taxpayers’ expense.”

Taf x’ma qalx Simon?  Li Joseph tgħallem sewwa minn dak li ipprova jagħmel Lawrence Gonzi. Forsi Simon ma jiftakarx, għax ma kienx Malta, meta inħolqot il-kariga ta’ Assistent Parlamentari u fiha Gonzi ħatar il-backbenchers kollha (inkluż lil Franco Debono) . Wara Dr Gonzi kien għadda biex ħatar lil dawk li kien baqa’ mill-backbench f’ħatriet oħra : JPO (Kunsill tax-Xjenza u Teknoloġija), Ċensu Galea (Chairman tal-BICC). Dawn il-ħatriet minn Dr Gonzi kienu saru specifikament biex jagħlaq ħalq il-backbenchers. Dejjem s’intendi bil-kaxxa ta’ Malta tħallas.

Kien hemm wieħed biss li irrifjuta l-ħatra t-Tabib Jean-Pierre Farrugia.

Imma fejn irid Simon ma jiftakarx.

Passaporti għall-bejgħ u Cecilia Malmström

Tajikistan_PassportMalta golden passport 1

Il-Gvern irid ibiegħ il-passaporti. Passaport ta’ Malta mingħand Joseph Muscat jiġi jiswa’ €650,000. Magħhom trid iżżid €25,000 għal passport ieħor għall-mara u €25,000 għal kull wieħed mit-tfal.

Għadu mhux magħruf jekk hemmx discount għal min jixtri passaport għal iktar minn mara waħda.

Ġie ippubblikat abbożż ta’ liġi biex jemenda il-liġi taċ-ċittadinanza.

Saret ukoll laqgħa immexxija minn Joe Vella Bonnici ex-kandidat tal-Labour li ser ikun inkarigat mill-aġenzija ġdida Identity Malta. Il-laqgħa kienet indirizzata mill-konsulenti Ingliżi tal-Gvern Henley & Partners. Imma qed jingħad li din il-laqgħa spiċċat bil-banda b’Vella Bonnici u dawk li kellu quddiemu jgħajjtu b’ħanġra daqshiex.

Qed jinkitbu ħafna artikli u bosta kummenti dwar din il-politika ġdida ta’ kif il-Gvern immexxi minn Joseph Muscat ser ibiegħ il-passaporti. Ġiet deskritta bħala politika friska u moderna li tikkuntrasta mal-politika preistorika li kellna sal-lum.

Qiegħed jingħad li dawn il-passaporti m’humiex ser jingħataw bl-addoċċ. Il-Gvern għandu target li matul is-sena finanzjarja li ġejja jdaħħal €30 miljun mill-bejgħ ta’ dawn il-passaporti. Dan ifisser li qed jippjana għal madwar 40 applikazzjoni li skond kemm ikun hemm persuni dipendenti jew assoċjati mal-applikanti jista’  jfisser il-ħruġ ta’ madwar 200 passaport.

Intqal ukoll li l-applikazzjonijiet ser ikunu mgħarbla sewwa u ser ikun hemm attenzjoni speċjali biex ma jkunx hemm karattri dubjużi li jingħataw dawn il-passaporti. Imma mbagħad qalulna ukoll li l-ismijiet ta’ dawk li ser jingħataw dawn il-passaporti ser jibqgħu sigrieti. Dik l-informazzjoni skond il-Gvern għandha tkun kunfidenzjali magħrufa biss bejn il-Gvern u min jiffirma iċ-ċekkijiet għal dawk it-€30 miljun.

L-impressjoni li qed tingħata hi li l-filosofija bażika ser tkun li bil-flus tagħmel triq fil-baħar. Triq li twassal sar-Repubblika ta’ Malta li jekk għandek il-flus tiftaħlek il-bibien beraħ. Dan huwa l-mod modern ta’ kif titkabbar l-ekonomija. Min-naħa l-oħra għandna diġa l-assigurazzjoni li l-Gvern ser joqgħod ultra-attent biex ma jkunx hemm karattri dubjużi li jakkwistaw dan il-passaport.

Ngħid jiena kif nistgħu nieħdu dan il-Gvern bis-serjeta’ jekk fost il-persuni li għażel bħala l-konsulenti tiegħu hemm ċerta Shiv Nair. Id-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-Gvern [jekk nemmnu dak li qed jgħidu] jfissru li l-Gvern ta’ Muscat mhux kapaċi jagħmel il-vetting neċessarju għax ġiet ippubblikat l-informazzjoni dwar dan Shiv Nair li jnisslu suspetti serji: informazzjoni li din il-persuna qegħda fuq il-blacklist tal-Bank Dinji minħabba frodi.

Dawn l-affarijiet kollha juru x’tip ta’ nies jistgħu jixtru l-passaport Malti. Juru ukoll għaliex kollox ser jibqa’ mistur.

Il-messaġġ li Muscat qiegħed jagħti huwa preċiżament dan: jekk għandek il-flus tikkonfondi xejn, anke jekk ħadd ma jridek . Malta taħt Joseph Muscat toffrilek kenn. L-aqwa li tiffirma dak iċ-ċekk.

Imma l-messaġġ ikompli li jekk m’għandekx flus Malta m’għandniex post għalik. F’dak il-każ ċempel lil Cecilia Malmström il-Kummissarju tal-Unjoni Ewropeja.

Pajjiżna jixraqlu aħjar.