Biex niġu f’sensina

ostrich

Il-pjani lokali li jsiru m’humiex hemm għal dejjem. Jeħtieġ li jkunu aġġornati minn żmien għal żmien skond dak li jkun jeħtieġ il-pajjiż.

Mhux kulħadd jagħti prijorita’ lill-istess affarijiet.

Min iħares sal-pont ta’ imnieħru, (short term) bħalma qed jagħmel il-Gvern Laburista li għandna illum kif ukoll kif għamel il-Gvern Nazzjonalista ta’ qablu, jagħti prijorita’ lill-industrija tal-bini għax iqies l-kontribut li  suppost illi din l–industrija qed tagħti lill-ekonomija tal-pajjiż.

Bħalma ġara f’pajjiżi oħra b’konsegwenzi diżastrużi, l-investiment fil-propjeta’ hu bużżieqa li f’pajjiżna ukoll għad trid tinfaqa’ u meta tinfaqa’ ser iweġġgħu ħafna nies. J’alla ddum ma tinfaqa’ u sa dakinnhar nittama li min għandu jiftaħ għajnejħ ikun fetaħom beraħ u  jkun diġa beda jirrimedja.

Hemm bżonn urġenti li nifhmu li l-industrija tal-bini għandha bżonn tkun ristrutturat. Ma tistax tibqa’ tipproduċi iktar propjetajiet reżidenzjali  biex il-parti l-kbira minnhom jibqgħu vojta. Hemm ħtieġa li din l-industrija tkun mgħejjuna tfittex toroq oħra. Hemm ħafna modi kif dan jista’ jsir.

Il-programm elettorali ta’ Alternattiva Demokratika għall-elezzjoni ta’ Marzu 2013 kien ċar fuq din il-materja. Kien l-uniku wieħed li tkellem ċar fuq l-industrija tal-bini u dwar il-ħtieġa li ma jkollnix iktar proġetti massiċċi ta’ kostruzzjoni reżidenzjali.

72,150 post residenzjali vojt ifisser ħela tar-riżorsi tal-pajjiż. Ifisser ħela ta’ art. Ifisser ħela ta’ kapital investit li seta’ faċilment ġie investit f’oqsma oħra iktar produttivi. Ifisser ħela ta’ riżorsi umani li huma dedikati biex jipproduċu bini destinat li jibqa’ vojt. Riżorsi umani li l-pajjiż jeħtieġ f’oqsma iktar produttivi. Għall-ġid tagħhom, għall-ġid ta’ familtom, għall-ġid tal-pajjiż.

L-industrija tal-bini għandha impatti negattivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

Ir-reviżjoni tal-pjani lokali hi l-opportunita tad-deheb biex nibdew mexjin fi triq li fuq medda ta’ żmien hi inqas problematika. Triq iebsa u diffiċli. Triq ta’ sagrifiċċju.  Triq li tirrikonoxxi li ġaladarba hawn dan il-bini kollu vojt ma nistgħux nibqgħu nibnu bl-istess ritmu. Ifisser ukoll li jeħtieġ li jonqsu l-impieġi fl-industrija tal-bini u jinħolqu f’oqsma oħra.  Mhux faċli. Imma l-problema saret daqshekk kbira għax Gvern wara l-ieħor għaddas rasu fir-ramel, bħan-ngħam.

Hi l-unika triq li tagħmel sens. Għax ikunu ifisser li bħala pajjiż bdejna ġejjin f’sensina.

kif gie ippubblikat fuq iNews nhar l-Erbgha 4 ta’ Settembru 2013

Fi Triq Durumblat

Sa ftit ilu fi Triq Durumblat bejn Ħ’Attard u l-Mosta, f’tarf Triq Santa Katarina, fl-area magħrufa bħala tal-Mirakli kellna dan:

Durumblat.0

Iżda issa, għandna dan:

durumblat.1

durumblat.2

durumblat.3 durumblat.4

Grazzi Lawrence Gonzi u George Pullicino.  Anke’ Joseph Muscat jaqbel ma dan għax għall-Labour l-industrija tal-kostruzzjoni hi pilastru importanti tal-ekonomija.

Bħal dak li qallu li 72,150 post residenzjali vojt mhux biżżejjed.

Il-poplu Malti jibqa’ għal dejjem rikonoxxenti!

Bejn żbalji kbar u żbalji żgħar

Malta_Police_logo

Ir-rapport tal-Imħallef Emeritus Franco Depasquale Chairman tal-Bord tal-Pulizija sab li meta l-Ispettur Elton Taliana ikkonkluda l-investigazzjoni kriminali naqas għax ma informa lil ħadd b’dak li kien qiegħed jagħmel. Għalhekk skond l-Imħallef Emeritus għandu jkun dixxiplinat. Imma l-istess Imħallef Emeritus ma kellux spazju biex jgħid x’jaħseb fuq l-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali li ikkonkludew l-investigazzjoni kriminali billi tellgħu l-Qorti lill-bniedem żbaljat. Għax il-Pulizija ukoll għandhom dritt li jiżbaljaw, jgħidilna s-Sur Imħallef Emeritus. Mur obsor.

Li kieku s-Sur Imħallef Emeritus eżonora lil min żbalja biss, għalkemm kont ikun tal-opinjoni li kien ikun leġġer wisq, probabilment l-anqas biss kont nikkummenta. Imma l-Imħallef Emeritus ma waqafx hawn. Wara li sab skuża biex imewwet żball oħxon huwa dawwar il-kanuni tiegħu fuq min ikkonkluda b’suċċess investigazzjoni kriminali u identifika lil min kien verament responsabbli ta’ holdup li bih kien akkużat inġustament ħaddieħor.

Ir-rapport ta’ l-Imħallef Emeritus Depasquale qrajtu kollu. Xejn milli fih ma jissorprendini. Kull waħda mill-14-il faċċata tiegħu tixhed il-filosofija tal-biża’ mill-poter. Ir-riħa tal-inċens tinxtamm sewwa.

Ilna ġimgħa nisimgħu b’dak li għandu u m’għandux l-Ispettur Taliana u dan b’informazzjoni li b’mod ċar toriġina mill-files kunfidenzjali tal-Korp tal-Pulizija. Dan kollu jwassal għal konklużjoni inevitabbli li Elton Taliana kien fil-mira tal-awtoritajiet tal-Pulizija. L-Imħallef Emeritus m’għandux x’jaqsam ma dan u kif inhu sewwa l-anqas ma ikkummenta fuq din l-informazzjoni ippubblikata għax dan ma kienx parti mill-inkarigu tiegħu. Diġa kien jidher ċar imma, minn kmieni ħafna, li Elton Taliana kien iddestinat biex ikun il-vittma li jmiss. Ma tantx jidher li għandu passat li jista’ jiftaħar bih imma dak ma jiġġustifikax li jkun fil-mira ta’ inġustizzja.

Mela bdejna l-ġimgħa b’persuna waħda li kienet vittma minħabba li l-Pulizija mexxew kontriha fil-Qrati intortament. Sfortunatament spiċċajna l-ġimgħa b’żewġ vittmi.

L-essenzjali tal-każ hu li bl-azzjoni tiegħu l-Ispettur Elton Taliana identifika żball tal-Pulizija sħabu li minħabba fih kien hemm min ġie inmċaħħad mill-liberta’ tiegħu.  Jidher li għal uħud hu inaċċettabli li jkun ippruvat li l-Pulizija jistgħu jiżbaljaw. Għal dan ser iħallas Elton Taliana. Għax Taliana baqa’ jinvestiga meta qalulu  li minħabba li kien ġja ġie imtella’ xi ħaddiehor il-Qorti akkużat bil-holdup kellu jieqaf mill-investigazzjoni. Għamel żball, skond il-Bord tal-Pulizija, għax ma informa lil ħadd b’dak li kien qiegħed jagħmel u b’dak li irriżultalu mill-investigazzjoni wara li eżamina bir-reqqa l-filmati tac-CCTVs fl-inħawi ta’ fejn sar il-holdup.

M’għandix dubju illi kieku l-Ispettur Elton Taliana informa lis-superjuri tiegħu b’dak li irriżultalu kien ikun ħafna aħjar. Ovvjament ħadd ma jaf x’kien jiġri kieku Taliana għamel hekk. Ma nafx jekk kienx jitħalla jibqa’ għaddej bil-proceduri l-Qorti. Billi m’għandi l-ebda dritt li noqgħod nispekula nippreferi li ma nikkummentax iktar dwar dan. Dan hu żball ta’ l-Ispettur Taliana imma żball ferm żgħir ħdejn dak li sar meta ġie akkużat persuna intortament.

Issa bla dubju ser ikun hemm min jgħidli li b’dak li inkixef dwar Taliana il-ġimgħa l-oħra ma tantx jidher li hu bniedem ta’ min jafdah. It-tweġiba tiegħi hi waħda sempliċi ħafna: jekk Taliana żbalja u ma jimmeritahx li jilbes l-uniformi ta’ pulizija ħa jittieħu passi li jirriżultaw neċessarji. Imma fil-każ li fuqu jirrapporta l-Imħallef Emeritus Franco Depasquale ma jidhirx li l-Ispettur Taliana għamel xi ħaġa li timmerita passi dixxiplinari.

Tajba din sur Imħallef Emeritus: l-iżbalji l-kbar [li takkuża b’delitt lil min m’għamlux] tikkumpatihom u tgħid li huma inevitabbli. Imma żbalji żgħar ta’ natura amministrattiva [li ma tinfurmax lis-superjuri tiegħek mill-ewwel] tqishom tant gravi li jimmeritaw passi dixxiplinari. L-iżbalji l-kbar tiġġustifikom imma l-iżbalji ż-żgħar tikkundannhom. Din x’ġustizzja hi?

Lil Taliana ma nafux u ma għandi l-ebda xewqa li nkun nafu. Imma dan ma jżommnix milli nistqarr bla tlaqliq li l-inġustizzja li qed issir tinxtamm min seba’ mili l-bogħod.