Il-bieraħ irċevejt ittra elettronika mingħand il-Partit Nazzjonalista.
Impjegata infurmatni permezz ta’ ittra elettronika illi Dr Simon Busuttil kien talabha biex tgħaddili kopja tad-diskors li għamel fuq il-fosos tal-Furjana f’Jum l-Indipendenza.
Għalfejn intbagħtitli din il-kopja tad-diskors ta’ ħames paġni ma nafx.
Imma dejjem interessanti għax il-PN qatt ma wieġeb l-ittra tiegħi li pemezz tagħha fid-16 ta’ Jannar 2008 irreżenjajt minn membru tal-PN u issa jibaghtli diskorsi li ma fihom l-ebda ispirazzjoni. Bla ħeġġa u mejta, minn barra u minn ġewwa.
Jum l-Indipendenza hu Jum għażiż għalija u għal ħafna. Iċċelebrajtu meta Simon kien għadu l-anqas twieled. Anzi kont hemm, ma ħafna oħrajn f’nofs il-lejl bejn l-20 u l-21 ta’ Settembru 1964, tifel ta’ 8 snin flimkien ma ħuti iżgħar minni.
Iċċelebrajtu ukoll fis-snin ta’ wara meta d-demokrazija kienet mhedda.
Id-diskorsi huma l-inqas ħaġa li jinteressawni bħalissa.
Ikun ferm aħjar kieku l-PN ifittex u forsi jsib ruħu. Imma dik ilu ftit li tilifha u mhux faċli li jerġa’ jsibha.
Ippubblikat fuq iNews illum 26 ta’ Settembru 2013