L-agri-turiżmu

Agritourism 1

L-agri-turiżmu ma jfissirx li jkollna l-lukandi fil-kampanja. L-agri-turiżmu hu ġabra ta’ attivitajiet u servizzi li l-komunitajiet rurali joffru biex jiġbdu l-viżitaturi. Dan it-turiżmu hu kkaraterizzat minn negozju ta’ daqs żgħir ġeneralment immexxi  b’mod dirett mis-sidien infushom (il-bdiewa) u jkun sitwat f’żoni fejn l-agrikultura hi l-użu predominanti tal-art.

M’hemmx agri-turiżmu jekk m’hemmx ukoll l-agrikultura.

L-agri-turiżmu għandu għaldaqstant tlett karatteristċi prinċipali: iseħħ flimkien mal-ħidma agrikola, jagħti esperjenza tal-ħidma agrikola lit-turist u joħloq iktar ħidma utli u li tirrendi lin-negozju agrikolu.

L-agri-turiżmu  ma jieħux post l-agrikultura iżda hu prodott ieħor tal-istess agrikultura.  It-turist  f’dan l-ambjent għal żmien qasir jifforma parti mill-komunita’ agrikola hu ukoll għaliex jgħix għal xi ġranet f’nofs komunita’ agrikola ħajja. L-agri-turiżmu hu turiżmu sostenibbli għax l-impatti tiegħu huma posittivi. L-impatti ambjentali huma minimi. L-impatti soċjali huma tajbin. L-impatti ekonomiċi huma eċċellenti. L –impatti kulturali tiegħu joħolqu rabta mal-komunita agrikola. It-turist m’huwiex sempliċiment qed jingħata servizz iżda għal żmien qasir isir parti mill-familja agrikola.

L-agri-turiżmu hu mod kif il-bdiewa jistgħu iżidu fid-dħul tagħhom u fl-istess ħin jibqgħu jaħdmu fir-raba’ tagħhom stess.

Fil-pajjiż ġar tagħna l-Italja, l-agri-turiżmu ġie rikonoxxut fl-1985. Illum għandhom agri-turiżmu żviluppat u varjat. Fl-2010 fl-Italja madwar 20,000 operatur agri-turistiku bejthom ipprovdew 200,000 sodda lis-suq turistiku Taljan. Offrew lit-turist fl-Italja prodott varjat:  minn razzett żgħir immexxi minn familja sa servizz ta’ lussu. Kif jidher miċ-ċifri l-medja hi ta’ 10 sodod għal kull operatur. Ċara ħafna li l-operaturi tat-turiżmu agrikolu huma operaturi żgħar li filwaqt li jibqgħu għaddejjin bil-ħidma agrikola normali tagħhom iżidu ftit fix-xogħol billi jipprovdu ukoll is-servizz ta’ ospitalita’.

Il-MEPA għadha kif ħabbret illi ser tikkonsolida f’dokument wieħed il-politika ta’ l-użu tal-art barra miż-żoni ta’ żvilupp  kif ukoll dik dwar l-agrikoltura. Fost l-iskopijiet li trid tilħaq hemm li jkun inkoraġġit l-agri-turiżmu. Minnu innifsu dan hu skop tajjeb dejjem sakemm ma jintużax biex jiġġustifika iktar żvilupp ta’ art barra miż-żona ta’ żvilupp.

Hu necessarju li l-bini eżstenti fiż-żoni agrikoli tagħna nagħtuh użu li jgħin lill-komunita agrikola tissaħħaħ u per konsegwenza tkun f’posizzjoni aħjar li tħares l-art li tinħadem. Hemm bosta binjiet agrikoli abbandunati li jistgħu jerġgħu jingħataw il-ħajja kemm għall-ġid ta’ l-agrikultura innifisha kif ukoll għal turiżmu agrikolu. Huwa eżerċizzju iżda li jirrikjedi l-għaqal u l-paċenzja.

Jekk isir sewwa jagħti tifisira ġdida lill-karriera agrikola. Joħloq skop għal iktar investiment f’dan il-qasam u jiġbed’ lura lejn l-art lil bosta minn ulied il-bdiewa li dabbru rashom snin ilu. Fuq kollox jista’ jagħti l-ħajja lill-bini agrikolu li ilu mitluq għal snin twal.

Il-protagonist ta’ din il-bidla jrid ikun il-bidwi li filwaqt illi jibqa’ jaħdem l-art jew irabbi l-bhejjem jibda bil-mod joffri servizzi ġodda.

Dan hu l-mod li bih nimxu l-quddiem.

Ippubblikat fuq iNews nhar it-Tlieta 17 ta’ Settembru 2013

One comment on “L-agri-turiżmu

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s