Bejn ħbieb u interessi.

Malta-China

Il-ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina, qalulna, għandha għeruq fondi.

Imma l-pajjiżi m’għandhomx ħbieb, iżda għandhom interessi.

Huwa leġittimu li kull pajjiż jagħmel użu mill-politika barranija tiegħu biex iġib il-quddiem l-interessi tiegħu.

Dwar dak li ftehmu Malta u ċ-Ċina f’dawn il-ġranet nafu biss dak li qalulna. Iktar tard inkunu nafu iktar. Mhux bil-fors li nkunu nafu kollox.

L-emfasi tal-Prim Ministru kien fuq dak li ħadet Malta. Qagħad ukoll attent li jgħid li ċ-Ċina mhux daqstant ser tagħtina l-flus iżda ser tinvesti fl-Enemalta.

Iċ-Ċina qed tagħti għax hi konvinta li dan hu l-mod kif iddaħħal saqajha f’pajjiż membru fl-Unjoni Ewropeja.  B’dan il-mod iċ-Ċina tista’ takkwista leħen simpatetiku għaliha fil-Kunsill tal-Ministri u tista’ ukoll takkwista posizzjoni li tagħtiha vantaġġ kummerċjali , jew aħjar li tnaqqsilha l-iżvantaġġi li għandha bħalissa.

Ħaga waħda hi ċara: l-ftehim bejn Malta u ċ-Ċina mhux dwar l-enerġija. L-enerġija hi l-mod kif ser isir il-ħlas għal affarijiet oħra li dwarhom sar ftehim.  Dan mhux neċessarjament tajjeb jew bil-fors ħażin. Dan hu l-mod kif kontinwament jiftehmu l-pajjiżi.

Jekk jaqbel għal Malta hu tajjeb. Jekk ma jaqbilx mhuwiex tajjeb.

Nistennew u naraw.