L-Ministeru tas-Saħħa ħareġ sejħa għall-offerti biex ikun jista’ jimplimenta l-liġi tal-IVF. Jew biex nitkellmu bil-Malti biex min ma jistax inissel l-ulied b’mod naturali jkun assistit biex dan it-tnissil ikun jista’ jsir.
Il-liġi Maltija dwar l-IVF bit-titlu bombastiku ta’ “Att tal-2012 dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni” kienet approvat mill-Parlament li għadu kif spiċċa. Din il-liġi tirregola t-tnissil assistit u tillimitah għall-koppji miżżewġa kif ukoll għal dawk il-koppji li għalkemm mhux miżżewġa huma f’relazzjoni stabbli. Il-liġi hi ċara għax fid-definizzjoni ta’ ġenitur prospettiv (artiklu 2 tal-liġi) titkellem fuq koppja magħmula minn żewġ persuni ta’ sess oppost.
B’mod ċar mela il-liġi tiddiskrimina kontra koppji ta’ l-istess sess u m’hemm l-ebda dubju li attakkata fuq kriterji ta’ drittijiet umani, u preċiżament fuq il-fatt li tiddiskrimina jkollha tinbidel b’mod li d-diskriminazzjoni li hi parti intrinsika tal-liġi titneħħa.
Li titneħħa d-diskriminazzjoni mill-liġi jkun pass tajjeb. Il-kontroversja iżda m’hiex ser tisparixxi meta titneħħa d-diskriminazzjoni. Għax id-diskriminazzjoni jkollha titneħħa f’data mhux il-bogħod. Imma mbagħad ikun meħtieġ li niffaċċjaw diversi materji ta’ kontroversja relatata. Irridu nibdew naħsbu dwarhom.
Kif għandha tkun regolata d-donazzjoni taż-żerriegħa tar-raġel jew tal-bajda tal-mara ? Direttament bejn il-partijiet konċernati b’mod li tista’ tagħti lok għal abbuż? Permezz ta’ bank għal dan l-iskop? Bi ħlas jew bi pjaċir?
Xi drittijiet għandu jkollhom il-ġenituri bioloġiċi? Jiena naħseb li l-ġenituri bioloġiċi għandhom jagħtu l-kunsens tagħhom qabel ma jsir it-tnissil fil-laboratorju. Mhux sempliċement jagħtu ż-żerriegħa jew il-bajda. Mhux dan biss. Għandu jkun hemm informazzjoni sħiħa dwar l-identita’ tal-persuni involuti. Mhux informazzjoni pubblika imma informazzjoni li għandha tkun magħrufa bejn il-ġenituri bioloġiċi, l-ġenituri prospettivi u eventwalment l-ulied. M’hemmx lok għal anonimita’. Id-donazzjonijiet taż-żerriegħa tar-raġel u tal-bajda tal-mara jridu jsiru b’mod trasparenti biex kull min ikun involut ikun jaf x’inhu jagħmel u b’hekk jerfa’ sewwa r-responsabbiltajiet tiegħu/tagħha. Dan hu essenzjali l-iktar in konnessjoni ma’ mard ereditarju. Jiena konxju li dan iwassal għall-argument dwar jekk hux etiku li nagħżlu l-ġenetika tal-ulied għax fil-prattika dan hekk ifisser. Imma din hi l-konsegwenza loġika tal-IVF miftuħa għal kulħadd. It-tnissil tal-ulied a la carté. Punt li ma jqumx direttament bejn koppji miżżewġin jew koppji f’relazzjoni stabbli.
Hemm imbagħad l-issue tas-surrogate motherhood. Jiġifieri l-ħtieġa li mara tislef jew tikri ġufha biex twelled tarbija li m’hiex tagħha għal ħtieġa ta’ ħaddieħor. Fil-kuntest wiesa’ tal-applikazzjoni tal-IVF din hi miżura li tista’ tkun meħtiega biex mara jkollha l-ulied (li anke jkunu bioloġikament tagħha) kif ukoll jekk l-IVF tkun tapplika għal koppji tal-istess sess.
Kif għandu jkun regolat dan is-self jew il-kiri tal-ġuf? Dan mhux sfruttament? Imma fl-istess ħin mingħajru l-IVF ma tistax tkun verament aċċessibli għal kulħadd.
M’għandix tweġibiet għal dan kollu. F’pajjiżi oħra d-diskussjoni bdiet. S’issa f’Malta ta’ l-inqas fil-pubbliku għad ma bdietx.
L-ebda wieħed mill-partiti politiċi f’Malta għadu ma tkellem fuq dawn l-affarijiet. Għalkemm f’ Alternattiva Demokratika iddiskutejna xi ftit internament is-suġgett l-anqas AD għad ma ħadet posizzjoni. Imma ma nistgħux nibqgħu naħarbu minn dawn l-affarijiet għax l-introduzzjoni tal-IVF ser twassalna inevitabilment biex niffaċċjawhom. Ikun aħjar jekk inkunu ippreparati.
kif ippubblikat fil-blog ta’ iNews it-Tlieta 10 ta’ Settembru 2013