Grazzi Sur Awditur Ġenerali

Awditur.AMifsud

Min segwa dak li ġara s’issa fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi seta jara kif l-Opposizzjoni Nazzjonalista għal darba oħra fetħet il-kanuni fuq l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali bit-tama li iċċaqlaq l-attenzjoni minn fuq l-imġieba tal-ex Ministru Austin Gatt.

Naħseb li l-iktar diskors importanti li intqal mill-Awditur Ġenerali Anthony Mifsud u d-Deputat Awditur Ġenerali Charles Deguara kien meta fissru d-differenza bejn li tifformola l-politika tal-Gvern u li tieħu ħsieb li din tkun implimentata.

Meta l-Gvern permezz tal-Ministri tiegħu mhux biss jifformolaw il-politika (policy) iżda jfittxu li jindaħlu fid-dettall ikunu qed jindaħlu fejn m’għandhomx.  Ma jagħmilx sens li taħtar tim ta’ esperti u mbagħad tindaħlilhom. Jew huma esperti jew m’humiex.

Il-konklużjoni ta’ dan kollu hi li spiċċa ż-żmien tal-Ministri “hands on”. Il-Ministru mhux il-Manager. Qiegħed hemm biex jifformola l-politika li għandha tkun segwita. Imbagħad m’għandux jindaħal.

Kif qal  l-Awditur Ġenerali meta Ministru jindaħal fl-implementazzjoni tal-policy din hi prattika ħażina (bad governance) anke jekk il-liġi dan tippermettieh.

Grazzi Sur Awditur Ġenerali.

€9 biljuni mitluqa?

building industry Malta

In-numru ta’ propjetajiet reżidenzjali  vojta qiegħed dejjem jiżdied.

Iċ-ċensiment tal-1995 kien wera li   f’Malta u Għawdex kien hawn 35,723 propjetá reżidenzjali vojta. Għaxar snin wara,  fl-2005 dan in-numru żdied sewwa u laħaq 53,136. L-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika diġa’ indika li fiċ-ċensment ta’ Novembru 2011 dan in-numru kompla jiżdied u laħaq it-72,150 post reżidenzjali vojt.

Din il-propjeta’ vojta għandha valur ta’ biljuni ta’ euros. Snin ilu kienet stmata b’valur ta’ €5 biljuni. B’żieda sostanzjali ta’ propjeta’ vojta l-valur issa hu iktar qrib id-€9 biljuni. Dan hu kapital mejjet.  Investiment li sar jew li intiret u ġie mitluq.

Uħud jirraġunaw li x’jiġri (jew ma jiġrix) minn propjetá vojta m’hu affari ta’ ħadd ħlief tas-sidien tal-istess propjetá. Dan ir-raġunament  hu wieħed żbaljat għax il-fatt li propjetá ma tkunx qed tintuża u titħalla vojta għandu impatt fuq il-komunita kollha.

Waqt li hawn 72,150 propjetá reżidenzjali vojta għandna mat-3,000 familja jfittxu saqaf diċenti għal fuq rashom!

Meta propjetá titħalla vojta din toħloq pressjoni biex tinbena iktar art għall-ħtiġijiet li jinqalgħu minn żmien għal żmien. Dan meta dawn il-ħtiġijiet jistgħu faċilment ikunu sodisfatti b’uħud mill-propjetajiet vojta.  L-art li għandna hi limitata u ma nistgħux nibqgħu nibnu iktar art.  Il-pressjoni biex tinbena iżjed art iġġib magħha l-ħtieġa ta’ iktar toroq kif ukoll il-bżonn li jkunu estiżi s-servizzi: is-sistema tad-drenagg, is-servizz tad-distribuzzjoni tal-ilma u tal-elettriku kif ukoll id-dwal fit-toroq.  Dawn is-servizzi huma diġa ipprovduti għall-propjetajiet vojta.  L-ispiża saret imma għal xejn, għax il-propjetá vojta! L-ispiża trid terġa’ issir għall-propjetá li qed tkompli tinbena biex b’hekk inkomplu nżidu ċ-ċimiterju ta’ propjetajiet vojta.

It-72,150 post reżidenzjali vojt f’Novembru 2011 jokkupaw spazju 9 darbiet daqs B’Kara!

Iffaċċjat b’din is-sitwazzjoni l-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista mexxa l-quddiem politika irresponsabbli għax meta fl-2006 ikkonkluda l-pjani lokali flok fittex li jikkkontrolla l-firxa esaġerata tal-bini ġieb il-quddiem politika li tinkoraġixxi iktar bini li m’għandniex bżonnu. Fl-2006 l-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi kellu quddiemu r-riżultat taċ-ċensiment tal-2005 li kien juri żieda sostanzjali fin-numru ta’ propjetá reżidenzjali vojta (minn 35,723 fl-1995 għal 53,136 fl-2005). Flok ma applika l-brejkijiet: żied b’mod sostanzjali l-art li tista’ tinbena, żied in-numru ta’ sulari li jistgħu jinbnew f’ħafna lokalitajiet u għamilha iktar faċli li jinbnew il-penthouses!

Is-sitwazzjoni illum bħala riżultat tal-politika żbaljata tal-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi hi ħafna agħar! Iċ-ċifra ta’ 72,150 post residenzjali vojt f’Novembru 2011 hi allarmanti u tfisser li l-pajjiż m’għandux bżonn ta’ żieda fil- bini reżidenzjali għal snin kbar.

Presentement għaddejjin proċeduri biex ikunu reveduti l-Pjani Lokali. Ikun ġenn jekk dan il-fatt ma jingħatax piż sostanzjali huma u jitħejjew il-Pjani Lokali ġodda.  Ir-reviżjoni tal-Pjani Lokali għandha titlaq minn dan il-punt.

Iż-żmien jagħtina parir jekk il-Gvern immexxi minn Joseph Muscat hux ser ikun irresponsabbli daqs dak immexxi minn Lawrence Gonzi jew jekk hux ser jibda jsewwi l-problemi.  Id-dikjarazzjonijiet li saru s’issa li l-industrija tal-bini hi meqjusa mill-Partit Laburista bħala pilastru importanti għall-ekonomija tal-pajjiż m’huwiex ta’ awgurju tajjeb.

Flok nibnu iktar ikun aħjar li nagħmlu użu aħjar minn dak li hu diġa mibni. Hawn propjeta’ reżidenzjali  mibnija iżda mhiex użata li tista’ isservi l-ħtiġijiet tal-pajjiż  għal snin twal.

ippubblikat oriġinalment fuq iNews nhar it-Tlieta 27 t’Awwissu 2013