X’inhu għaddej fil-Korp tal-Pulizija?
Il-pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali jarrestaw u jakkużaw persuna bi żball. Il-persuna arrestata bi żball tinħeles wara li l-Pulizija tad-Distrett tidentifika lill-kriminali vera u tipproċedi kontrihom fil-Qorti.
Tinfetaħ inkjesta biex jiġi stabilit x’wassal għall-iżball.
Sa hawn, mad-daqqa t’għajn, dawn huma affarijiet li jistgħu jiġru lil kulħadd. Għalkemm huwa dejjem tajjeb li jsir magħruf kif u għaliex kien possibli li jsir żball ta’ din ix-xorta.
Imma issa qed tiżviluppa l-istorja bejn Silvio Scerri Chief of Staff tal-Ministru Mallia u Jason Azzopardi Shadow Minister tal-Intern dwar il-laqgħa li Daryl Luke Borg, il-vittma li ġie arrestat għal xejn mill-Pulizija kellu ma Silvio Scerri.
Hu ċar li Daryl Luke Borg ma marx minn jeddu jitkellem ma Scerri. Silvio Scerri jgħid li ma bagħtx għalih iżda la ħabbatlu l-bieb kellu l-obbligu li jisimgħu. Issa sirna nafu li kien Charles Attard iż-Żambi li issuġġerixxa lil Daryl Luke Borg li jkun aħjar jekk jitkellem ma xi ħadd fil-Ministeru tal-Intern.
Interessanti jekk iż-Żambi aġixxiex minn jeddu jew jekk kienx qed iwassal messaġġ u f’każ li kien qed iwassal messaġġ min qabbdu.
L-istorja diġa hi ikkumplikata. Biex iżżid ma dan waħda mill-gazzetti ppubblikati illum għandha storja dwar Spettur tal-Pulizija. Kumbinazzjoni hu l-istess Spettur tal-Pulizija li skopra l-iżball. Jiġifieri l-istorja fil-gazzetta tal-lum tiftaħ il-kanuni fuq dan l-ispettur tal-pulizja qiesu hemm xi ħadd li jrid jagħmel il-kontijiet miegħu. Ngħid dan għax l-informazzjoni ppubbikat u li hi deskritta bħala kunfidenzjali mhux normali li toħroġ mill-files tal-Korp tal-Pulizija jekk mhux bil-volonta’ ta’ xi ħadd imlaħħaq.
Tidher ċar li din hi logħba ċess. Mossi studjati ta’ min qed jieħu posizzjoni mingħajr ma juri idu.
Jidher li l-Imħallef Franco Depasquale ser ikollu x’jagħmel mhux ħażin biex isib tarf ta’ din il-kobba.
Xejn gdid. Kollox hekk jsir f’dan il pajjiz. Is Secret Service taghti informazjoni kunfidenzjali lis segretarju tal Ministru tal Finanzi (tiftakru?). Bicca mill-istorja tal-iskandlu taz-zejt). Segretarji wtc taht din l-amministrazzjoni jirrezenjaw bl-addocc.. kollha dabbru marda f’hames xhur. U kollox mistur,qatt il-verita. Mhux whistleblower ghanda bzonn… HORN BLOWER