L-interess nazzjonali hu li nwaqqgħu l-ħitan

coatofarms_malta

 

Għandna bżonn inwaqqgħu l-ħitan li jifirduna u nibnu l-pontijiet.

L-iktar materja ovvja u ċara fejn dan hu meħtieġ illum hu dwar l-immigrazzjoni. Diġa hi problema kbira u ilha hekk għal diversi snin. Mhux biss ser tibqa’ iżda wisq nibża’ li ser issir problema ikbar milli hi illum.

In-nuqqas ta’ qbil huwa jekk għandiex dritt li nibgħatu lill-immigranti lura. Punt li jidher li ġie riżolt meta l-Gvern Laburista aċċetta l-ordni tal-Qorti Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasbourg.

Jekk nitilqu minn dan il-punt u li dwaru issa naqblu lkoll ma naħsibx li baqa’ differenzi għax jidher li ilkoll naqblu fuq diversi affarijiet.

Naqblu li Malta hi vulnerabbli minħabba l-posizzjoni ġeografika tagħha.

Naqblu li m’għandniex riżorsi biex nilqgħu biżżejjed għall-impatti ta’ mewġa kontinwa ta’ immigrazzjoni mil-Libja, mhux biss kif inhi, iżda iktar u iktar jekk tiżdied.

Naqblu li l-għajnuna li ġiet mill-Unjoni Ewropeja matul is-snin, għalkemm m’hiex żgħira, m’hiex biżżejjed u li hemm ħtieġa li tiżdied biex tkun solidarjeta iktar effettiva u li tinħass verament li hi hekk.

Naqblu li wieħed mill-modi l-iktar effettivi ta’ għajnuna li neħtieġu hi li iktar pajjiżi mill-Unjoni Ewropeja jerfgħu l-piż magħna – responsibility sharing – billi jilqgħu f’pajjiżhom numru ikbar milli għamlu sal-lum tal-immigranti li jiġu f’pajjiżna.

Naħseb li naqblu ukoll li l-għajnuna li tista’ tagħti l-Unjoni Ewropeja lill-pajjiżi minn fejn qed joriġinaw l-immigranti tkun l-iktar għajnuna li tħalli effetti fit-tul għax tindirizza l-problema at source.

Nittama li nifhmu li dan kollu ma jiddependix biss mill-kapaċita tal-Gvern li jinnegozja ftehim tajjeb. Jiddependi ukoll mill-pressjonijiet soċjali fis-27 pajjiżi oħra li flimkien magħna jiffurmaw l-Unjoni Ewropeja. Għax l-Unjoni Ewropeja mhix dik jew dawk, hi aħna ukoll.

Nafu li f’diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja, anke’ dawk b’politika żviluppata tul is-snin li tilqa’ b’idejha miftuħa r-refuġjati ta’ kull nazzjon u kulur hemm problemi mhux żgħar.  F’uħud minn dawn il-pajjiżi hemm ukoll partiti politiċi li għandhom bħala skop ewlieni tagħhom it-tixrid tal-mibgħeda razzjali.

Għalkemm sforz tal-irjus sħan qed tingħata stampa ħażina tal-qagħda f’Malta nemmen li l-mibgħeda razzjali f’Malta m’għandhiex egħruq fondi.  Il-partiti politiċi għandna l-obbligu li ma nħallux dawn l-egħruq jissaħħu.

Għalhekk li issa iktar minn qatt qabel hu meħtieg li nwaqqgħu l-ħitan u nibnu l-pontijiet. Hemm ħafna oqsma ta’ qbil. Fuqhom nistgħu  nibnu flimkien strateġija nazzjonali dwar l-immigrazzjoni. Pontijiet li jinbnew bid-djalogu u li jwasslu għal kooperazzjoni wiesa’.

Dan hu l-interess nazzjonali.

Advertisements

One comment on “L-interess nazzjonali hu li nwaqqgħu l-ħitan

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s