Il-bieraħ kien jum iswed għal Malta. Il-bieraħ il-Gvern immexxi minn Joseph Muscat wera li d-drittijiet tal-bniedem għalih huma materja sekondarja. Il-push-back tal-immigranti lura lejn il-Libja li Joseph Muscat ried jagħmel kien żball kbir.
Anke jekk kienet gimmick ikkalkulata biex triegħed l-istituzzjonijiet din il-mossa ta’ Joseph Muscat wriet li ma hemmx apprezzament tad-drittijiet tal-bniedem fost il-membri tal-Gvern immexxi minn Joseph Muscat, bih b’kollox.
Id-drittijiet tal-bniedem ma tiċċajtax bihom. Id-drittijiet tal-bniedem huma ta’ kull bniedem lil hinn minn razza jew kulur tal-ġilda u Joseph Muscat u l-Gvern tiegħu m’għandhomx dritt jilgħabu bihom. Imma hekk għamlu.
Fl-ewwel okkazjoni serja li kellu, Joseph Muscat wera li hu bniedem li l-valuri ta’ soċjeta’ demokratika, għalih u għall-Gvern tiegħu m’għandhomx daqstant relevanza.
Kien jum li fih il-Gvern ta’ Joseph Muscat rema’ l-baħar ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala pajjiż fejn nirrispettaw il-liġijiet u d-doveri internazzjonali tagħna.
Joseph Muscat qal li hu jerfa’ r-responsabbilta’ kollha. Hu żbaljat, għax ir-responsabbilta’ ser tintrefa miċ-ċittadini kollha ta’ dan il-pajjiż għax pajjiżna (sfortunatament) minn issa l-quddiem ser ikun meqjus bħal wieħed li ma tistax tafdah. Pajjiż li ma tafx fejn inti miegħu. Pajjiż li fih id-drittijiet tiegħek ma jirriżultawx mil-liġi iżda mill-burdata tal-Gvern.
Għad irridu nħallsu biz-zalza għal dan il-jum u l-iżball kbir li għamel Joseph Muscat. Żball li m’hux ser jitħassar b’gomma.
Tal-mistħija anke jekk kienet ‘bluff’ biss, aħseb u ara kieku le.