Għawdex tagħna ilkoll?

The Gozo Channel

Reggħet bdiet id-diskussjoni dwar il-konnettivita’ ta’ Għawdex.

Bridge jew mina? Ajruplan jew ħelikopter? Ajruplan li jtir mill-baħar (amphibian) jew wieħed li jtir mill-art?

Kull proposta li saret għandha l-merti tagħha. Kull waħda tindirizza xi aspett partikolari tas-sitwazzjoni Għawdxija. Ma ngħidx problema apposta, għax il-qagħda attwali m’hiex problematika għal kulħadd. Uħud iħarsu lejn is-sitwazzjoni preżenti bħala waħda problematika. Oħrajn iħarsu lejn is-soluzzjonijiet proposti bħala l-problemi reali.

Il-mistoqsija li ftit qed jistaqsu hi jekk il-qagħda attwali hiex waħda ta’ benefiċċju għal Għawdex. Jiġifieri l-fatt li Għawdex hi gżira maqtugħa għaliha waħeda hu ta’ ġid jew ta’ ħsara għal Għawdex?  Rajt kumment wieħed biss f’dan is-sens online. Korrispondent Irlandiż li jkun spiss Ghawdex ikkummenta online li l-insularita doppja ta’ Għawdex hi iktar opportunuta (asset) milli problema (liability).

Ovvjament mhux kulħadd jaqbel ma dan. Imma hemm setturi bħat-turiżmu f’Għawdex li huma mibnija prinċipalment fuq din il-karatteristika Għawdxija. Għawdex bħala gżira għandha diversi karatteristiċi li jagħmluha unika bħala destinazzjoni. Bidla li telimina din il-karatteristika tidfen għal kollox l-identita’ unika Għawdxija. Għawdex b’kuntatt dirett bħall-bridge jew mina ma jkun xejn differenti għat-turist mis-Siġġiewi, miz-Żurrieq jew minn Marsaskala.  Dan jista’ jeffettwa sostanzjalment l-industrija tat-turiżmu b’mod partikolari l-lukandi f’Għawdex.

Min-naħa l-oħra l-industrija tal-manifattura għandha bżonn aċċess immedjat għas-swieq tagħha u f’dan is-sens kuntatt dirett bħall-bridge jew mina jista’ jkun soluzzjoni kemm għall-industrija li hemm illum ġewwa Għawdex kif ukoll għal dik li tista’ titħajjar tibbaża ruħa f’Għawdex għada. L-istess jgħidu l-istudenti u dawk li jaħdmu f’Malta.

Il-konsumatur Għawdxi jieħu pjaċir b’aċċess dirett bħall-bridge jew mina għax tinfetħilhom l-għażla b’aċċess dirett u immedjat għall-ħwienet fit-tramuntana ta’ Malta. Imma naħseb li ħafna minn dawk li huma fil-kummerċ f’Għawdex ma jaħsbuwiex l-istess.

Is-soluzzjoni iżda m’hiex waħda li noqgħodu nfajjru l-proposti fl-ajru. Is-soluzzjoni tinstab fil-kalma u l-ħsieb, mhux kwalitajiet komuni ħafna fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet f’dan il-pajjiż – kemm dawk tal-lum kif ukoll dawk tal-bierah.

Ikun ahjar li flok mal-Gvern jiffoka fuq proposti individwali jara l-istampa kollha tal-konnettivita ta’ Ghawdex u l-impatti socjali, ambjentali u ekonomici b’mod olistiku. Jeħtieġ li niżnu sew l-affarijiet. Li naraw l-istampa kollha.

Il-Gvern tal-lum bħall-Gvern tal-bieraħ jaqbad il-problema minn sieqha.

Flok ma jkunu indirizzati waħda waħda, s-soluzzjonijiet taħt konsiderazzjoni għandhom ikunu kkunsidrati flimkien u dan fil-kuntest ta’ Pjan Strateġiku li jindirizza l-konnettivita’ tal-gżira Għawdxija u l-impatti soċjali, ekonomiċi u ekoloġiċi ta’ kull waħda mill-proposti. Ma jaghmilx sens  fil-kuntest tal-politika regjonali tal-Unjoni Ewropeja l-Gvern Malti jipprezenta posizzjoni u jinsisti għal fondi addizzjonali minħabba l-insularita’ doppja  u li imbagħad mingħajr konsiderazzjoni tal-impatti (ekonomiċi, soċjali u ekoloġiċi) jagħzel  li jelimina din l-insularita’ doppja b’għaqda fiżika bejn il-gżejjer. Għandu jkun innutat li l-politika tat-Turiżmu għal Għawdex hi bbażata fuq l-insularita doppja tal-gżira Għawdxija u li l-għaqda fiżika proposta tista’ tfisser id-daqqa tal-mewt ghat-turiżmu f’Għawdex.

Pjan Strateġiku ta’ din ix-xorta wara li jkun eżaminat skond il-proċeduri stabiliti mid-Direttiva tal-Unjoni Ewropeja dwar il-Valutazzjoni  Strateġika Ambjentali (Strategic Environment Assessment Directive) għandu imbagħad ikun soġġett għal konsultazzjoni pubblika mhux biss f’Għawdex iżda fuq livell nazzjonali.

Għax anke Għawdex, tagħna lkoll.

Ara ukoll :

Fuq dan il-blog: The right link that remains missing. 12 ta’ Frar 2012

Malta Today: Gozo’s connectivity issues should be tackled holistically. 16 ta’ Ġunju 2013