Sabutaġġ fil-MEPA?

Gonzi.Walker.Demarco.MEPA.reform

Skond ir-rapport ta’ Ann Fenech, Austin Walker il-magħżul ta’ Lawrence Gonzi biex imexxi l-MEPA b’salarju ta’ kważi €100,000 fil-kariga doppja ta’ Chairman u CEO, kien qed jittollera s-sabutaġġ fil-MEPA.

F’paġna 5 tar-rapport tat-telfa taħt it-titlu Burokrazija żejda u sabutaġġi jingħad li “Madankollu kien hemm uffiċjali li bl-iskuża tal-burokrazija jew saħansitra bħala att ta’ sabutaġġ għamluha diffiċli ħafna biex dawn jinqdew. Fuq quddiem nett kien hemm l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar – il-MEPA – li saret “nightmare” mhux biss għall-kuntratturi iżda wkoll għall-familji.

Fiż-żmien li Austin Walker kien Chairman tal-MEPA (2008-2013) il-MEPA mxiet aħjar mill-ħames snin ta’ qabel, avolja xorta kien hemm diversi deċiżjonijiet li ma kienux aċċettabbli. Imma b’Austin Walker bħala Chairman naħseb li l-indħil tal-Gvern fl-operat tal-MEPA ma kienx sfaċċat bħalma kien fil-ħames snin ta’ qabel. Kien indħil iktar fin, magħmul b’iktar sengħa. Imma fi kwalunkwe ħin il-ħidma u d-deċiżjonijiet tal-MEPA kienu sinkronizzati mal-linja politika tal-Gvern. Altru milli sabutaġġ!

Imma hi tad-daħk li r-rapport ta’ Ann Fenech jgħid li fil-MEPA kien hemm is-sabutaġġ! Biex tgħid dan il-kliem jew ma jkollokx idea ta’ x’inti tgħid, inkella b’mod sfaċċat trid tgħaddi ż-żmien bin-nies!

Il-MEPA falliet mhux għax ma ħarġitx il-permessi iżda għax ħarġet wisq minnhom! Mhux għax ma “qdietx” iżda għax qdiet lil min ma kellux dritt li jinqeda!