Qed naqra dak li qalet Ann Fenech dwar l-aħħar elezzjoni ġenerali. Qed naqra ir-rapport tat-Times online il-lejla (l-ħamis fil-għaxija).
Kull wieħed mill-mijiet ta’ punti imniżżla fid-dokument (ir-rapport tat-telfa), hi rappurtata li qalet Ann Fenech, intuża mill-votanti bħala skuża jew ġustifikazzjoni biex jevita li jivvota PN jew inkella biex jimxi pass ieħor u jivvota Labour.
Dan hu mod mill-iktar arroganti kif tħares lejn ir-riżultat tal-elezzjoni.
B’mod ġenerali l-argument ta’ Ann Fenech hu li kellna l-aħjar Gvern li qatt kellna u l-votanti injoraw il-ġid li sar lill-pajjiż u kienu egoisti.
Li ma tgħidx Ann Fenech qalu Carm Mifsud Bonnici iktar kmieni fil-Malta Independent, nhar it-Tnejn 3 ta’ Ġunju 2013 f’intervista intitolata The Writing has been on the Wall since 2009 .
Carm Mifsud Bonnici jagħti uħud mir-raġunijiet li Ann Fenech tiskarta. Lawrence Gonzi, jgħidilna Carm fi ftit kliem, ma kienx kapaċi jmexxi. Jgħidilna ukoll li kien hemm membri tal-Kabinett li aġixxew qiesu l-PN kellu maġġoranza ta’ ħames siġġijiet. Jiġifieri kienu arroganti.
Ir-raġunijiet għat-telfa, jiġifieri, malajr tista’ issibhom. Kull ma għandu jagħmel il-PN hu li jħares ftit fil-mera.
Altru li flimkien kollox possibli.