Qed jipproponu li lukandi li jeħtieġu iktar spazju jkollhom il-possibilita’ li jibnu żewġ sulari oħra. Nifhem li dawn ser ikunu żewġ sulari iktar milli l-pjan lokali preżentement jippermetti.
L-iskuża hi li bidla bħal din tgħin lit-turiżmu u lill-ekonomija.
Fil-fehma tiegħi bidla bħal din m’hiex meħtieġa. La tgħin lit-turiżmu u l-anqas lill-ekonomija. Toħloq chaos iktar milli hawn bħalissa fil-qasam tal-ippjanar fl-użu tal-art. Għax jekk ir-regoli jinbidlu għal settur wieħed, ġustament ser iqumu setturi oħra u jippretendu trattament ugwali.
Għax għandek tippermetti għoli addizzjonali għat-turiżmu u mhux għoli addizzjonali għall-uffiċini jew għar-residenzi?
Imbagħad hemm argument addizzjonali dwar l-enerġija solari. Il-bini eżistenti madwar dawn il-lukandi ser ikun effettwat ħażin. Ser ikun hemm diversi minn dan il-bini li fih sar investiment f’apparat li jagħmel użu mix-xemx. Dan l-apparat (pannelli foto-voltaiċi u solar water heaters) li issa ser ikun fid-dell ser ikun investiment moħli.
Tiftakru lill-Labour Party jitkellem fuq solar rights? Leo Brincat, 5 snin ilu kien qalilna: MLP calls for solar rights as civil rights. M’ilux ħafna li qalulna dan, iżda konvenjentement ġja insew!