Dal-għodu ħarġet l-aħbar li l-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Alternattiva Demokratika liema laqgħa kellha issir nhar is-Sibt li ġej, ġiet posposta.
L-aħbar ħarġet f’ċirkulari li bagħat lill-membri s-Segretarju Ġenerali ta’ AD. Huwa ma tax biss l-aħbar. Ta ukoll ir-raġuni għal din id-deċiżjoni li ttieħdet mill-Kumitat Eżekuttiv ta’ AD nhar is-Sibt li għadda.
Id-deċiżjoni ittieħdet minħabba li ma daħlet l-ebda nomina għall-kariga ta’ Chairman ta’ AD sal-ħin tal-egħluq tan-nominazzjonijiet.
Uħud qed jistaqsu: kif, għaliex qed jiġri dan wara li AD kisbet l-aħjar riżultat f’elezzjoni ġenerali?
Dan il-kumment jeħtieġ tweġiba. Huwa veru li AD kwantittattivament kisbet l-aħjar riżultat f’elezzjoni ġenerali: 1.8% tal-voti validi jew 5506 voti. Kienet ukoll l-ewwel darba li f’ċirkustanzi ta’ bidla fil-Gvern AD ma naqqsitx fil-voti. Dan huwa ukoll sinjal pożittiv.
Wieħed iżda jrid iqis l-istampa kollha u ma jarax biss dawn il-1.8%.
1.8% kien ikun riżultat eċċellenti f’sitwazzjoni fejn il-partiti politiċi l-oħra jkunu ras imb’ras. Imma meta wieħed iqis li l-fuq minn 38,000 vot iċċaqalqu min-naħa għall-oħra u minn dawn AD ħadet biss madwar 1,700 vot ir-riżultat miksub minn AD ma jibqax daqshekk eċċellenti.
Il-ħidma ta’ partit politiku ma issirx biss lejliet elezzjoni ġenerali. Issir matul kull jum tal-leġislatura għal ħames snin sħaħ. Hemm min isegwi u jagħti każ ta’ dak kollu li jkun għaddej u jista’ japprezza kif kull wieħed minna li jagħżel li jimpenja ruħu f’Alternattiva Demokratika jrid jagħmel sagrifiċċji kbar biex dan l-impenn ikun jista’ jitwettaq. M’għandniex impjegati fuq min induru. Ma nitolbux donazzjonijiet lil ħadd. Ftit hemm li jagħtuna donazzjonijiet u kemm kemm iservu għall-ħidma li nagħmlu.
Kull wieħed minna mhux biss jaħdem fil-partit b’mod volontarju, talli huwa meħtieġ ukoll li naħdmu biex naqilgħu x’nieklu matul il-ġurnata.
Il-ħidma mhux żgħira li jirrikjedi anke partit ċkejken bħal AD kull ma jmur tagħmilha iktar difficli għal kull min jagħżel li jimpenja ruħu fil-partit li jlaħħaq ukoll mal-obbligi l-oħra tiegħu jew tagħha. Il-konsegwenza hi li inqas nies jinvolvu ruħhom u l-piz jaqa’ dejjem iktar fuq numru żgħir ta’ nies. Piz ikbar li mhux dejjem nifilħu għalih. Dan la huwa sewwa u l-anqas ma’ huwa aċċettabbli.
Fid-dawl ta’ dan kollu wieħed jista’ jifhem iktar għaliex mhux faċli li toħroġ għonqok, iktar u iktar meta r-riżultati li tara mhux dejjem jagħmlulek wisq kuraġġ.
Id-direzzjoni li ser tieħu AD jiddependi minn x’posizzjoni ser jieħdu dawk li jappoġġawha. Jekk ikun hemm iktar appoġġ li jinbidel f’impenn, il-futur hu wieħed sabiħ. Min-naħa l-oħra jekk l-appoġġ jibqa’ wieħed ġeneralment passiv allura m’għandix idea fejn sejrin.