ILLUM : nuqqas ta’ spazju ?

illum

Fil-gazzetta Illum, ippubblikata illum il-Ħadd 12 ta’ Mejju 2013 ippubblikat kummenti għal mistoqsijiet li staqsiet lil diversi persuni dwar Joseph Muscat u Simon Busuttil.

Il-mistoqsijiet kienu dawn:

  1. Kif tħares lejn l-ewwel 50 jum ta’ Joseph Muscat?
  2. X’taħseb fuq l-għażla ta’ Simon Busuttil?

Jiena ġejt mitlub il-kummenti tiegħi li tajthom imma ma ġewx ippubblikati kif ippreżentajthom jiena.

Ma nafx jekk hux minħabba nuqqas ta’ spazju.

For the record il-kummenti tiegħi huma dawk riprodotti hawn taħt. Il-parti bl-aħmar tħalliet barra mill-pubblikazzjoni:

Dwar l-għażla ta’ Simon Busuttil bħala Kap tal-PN:

“Huwa biss iż-żmien li jagħtina parir dwar jekk l-elezzjoni ta’ Dr Simon Busuttil bħala Kap tal-PN iġibx bidla, kif ukoll x’tip ta’ bidla, fil-PN. Il-bidliet fil-PN għadhom għaddejjin u mhux magħruf x’ser tkun il-forma finali tagħhom.

Alternattiva Demokratika m’hiex ser toqgħod tispekula dwar x’jista’ jiġri.”

Dwar l-ewwel ħamsin jum tal-Gvern immexxi minn Joseph Muscat :

Fl-ewwel ħamsin jum il-Gvern ta’ Muscat għadu qiegħed jipprova jaġixxi ta’ Gvern, diversi drabi aġixxa ta’ partit politiku. F’ ta’ l-inqas erba’ sitwazzjonijiet aġixxa b’mod diviżiv meta kellu soluzzjonijiet alternattivi li long term kienu jagħtuh riżultati aħjar.

L-ewwel: il-grad ta’ Segretarju Permanenti fil-Ministeri jeżisti biex jassigura kontinwita’ b’mod partikolari meta jkun hemm bidla tal-Gvern. It-tneħħija tal-parti l-kbira tas-Segretarji Permanenti kien żball fl-ewwel ġranet tal-Gvern li seta ġie evitat. Il-parti l-kbira minnhom kienu ser jispiċċaw xorta matul it-18-il xahar li ġejjin, bl-eta. Li stenna ftit kienu jinbidlu xorta bil-kwiet probabilment fi żmien sena.

It-tieni : id-diskors li l-Gvern ħejja għall-President tar-Repubblika kien wieħed partiġġjan u ma għamel l-ebda ġid lill-kariga.

It-tielet: inevitabilment f’dawn il-ħamsin ġurnata saru ħafna ħatriet. Kien hemm diversi minnhom li kienu ta’ natura partiġjana, fl-istess stil tal-gvernijiet immexxija mill-PN.

Ir-raba’: il-ħatra ta’ Franco Debono bħala koordinatur tal-Konvenzjoni Kostituzzjonali kienet waħda diviżiva. Tali ħatra kella issir b’konsultazzjoni mas-socjeta ċivili.

Fost il-miżuri posittivi tal-Gvern hemm il-bidu tal-implementazzjoni tal-proposti elettorali dwar id-drittijiet tal-persuni LGBT  kif ukoll il-ftehim dwar il-kawża fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem minn Joanne Cassar liema ftehim ser iwassal għat-dritt ta’ persuna transgender li tiżżewweġ.  AD giet mistiedna u aċċettat li tipparteċipa fil-Kumitat Konsultattiv li qed iħejji l-proposti konkreti għad-drittijiet tal-persuni LGBT. Ġew nominati u diġa qed jieħdu sehem Angele Deguara u Collette Farrugia Bennett biex jirrapprezentaw lill-AD.

Fost il-miżuri negattivi hemm l-inkoraġġiment tal-kaċċa fir-rebbiegħa  u issa jidher li l-Gvern qed jikkunsidra li jesperimenta ukoll bl-insib minkejja li din hu pprojibit mid-Direttivi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll skada il-perjodu transitorju stabilit mit-trattat ta’ adezjoni.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s