ILLUM : nuqqas ta’ spazju ?

illum

Fil-gazzetta Illum, ippubblikata illum il-Ħadd 12 ta’ Mejju 2013 ippubblikat kummenti għal mistoqsijiet li staqsiet lil diversi persuni dwar Joseph Muscat u Simon Busuttil.

Il-mistoqsijiet kienu dawn:

  1. Kif tħares lejn l-ewwel 50 jum ta’ Joseph Muscat?
  2. X’taħseb fuq l-għażla ta’ Simon Busuttil?

Jiena ġejt mitlub il-kummenti tiegħi li tajthom imma ma ġewx ippubblikati kif ippreżentajthom jiena.

Ma nafx jekk hux minħabba nuqqas ta’ spazju.

For the record il-kummenti tiegħi huma dawk riprodotti hawn taħt. Il-parti bl-aħmar tħalliet barra mill-pubblikazzjoni:

Dwar l-għażla ta’ Simon Busuttil bħala Kap tal-PN:

“Huwa biss iż-żmien li jagħtina parir dwar jekk l-elezzjoni ta’ Dr Simon Busuttil bħala Kap tal-PN iġibx bidla, kif ukoll x’tip ta’ bidla, fil-PN. Il-bidliet fil-PN għadhom għaddejjin u mhux magħruf x’ser tkun il-forma finali tagħhom.

Alternattiva Demokratika m’hiex ser toqgħod tispekula dwar x’jista’ jiġri.”

Dwar l-ewwel ħamsin jum tal-Gvern immexxi minn Joseph Muscat :

Fl-ewwel ħamsin jum il-Gvern ta’ Muscat għadu qiegħed jipprova jaġixxi ta’ Gvern, diversi drabi aġixxa ta’ partit politiku. F’ ta’ l-inqas erba’ sitwazzjonijiet aġixxa b’mod diviżiv meta kellu soluzzjonijiet alternattivi li long term kienu jagħtuh riżultati aħjar.

L-ewwel: il-grad ta’ Segretarju Permanenti fil-Ministeri jeżisti biex jassigura kontinwita’ b’mod partikolari meta jkun hemm bidla tal-Gvern. It-tneħħija tal-parti l-kbira tas-Segretarji Permanenti kien żball fl-ewwel ġranet tal-Gvern li seta ġie evitat. Il-parti l-kbira minnhom kienu ser jispiċċaw xorta matul it-18-il xahar li ġejjin, bl-eta. Li stenna ftit kienu jinbidlu xorta bil-kwiet probabilment fi żmien sena.

It-tieni : id-diskors li l-Gvern ħejja għall-President tar-Repubblika kien wieħed partiġġjan u ma għamel l-ebda ġid lill-kariga.

It-tielet: inevitabilment f’dawn il-ħamsin ġurnata saru ħafna ħatriet. Kien hemm diversi minnhom li kienu ta’ natura partiġjana, fl-istess stil tal-gvernijiet immexxija mill-PN.

Ir-raba’: il-ħatra ta’ Franco Debono bħala koordinatur tal-Konvenzjoni Kostituzzjonali kienet waħda diviżiva. Tali ħatra kella issir b’konsultazzjoni mas-socjeta ċivili.

Fost il-miżuri posittivi tal-Gvern hemm il-bidu tal-implementazzjoni tal-proposti elettorali dwar id-drittijiet tal-persuni LGBT  kif ukoll il-ftehim dwar il-kawża fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem minn Joanne Cassar liema ftehim ser iwassal għat-dritt ta’ persuna transgender li tiżżewweġ.  AD giet mistiedna u aċċettat li tipparteċipa fil-Kumitat Konsultattiv li qed iħejji l-proposti konkreti għad-drittijiet tal-persuni LGBT. Ġew nominati u diġa qed jieħdu sehem Angele Deguara u Collette Farrugia Bennett biex jirrapprezentaw lill-AD.

Fost il-miżuri negattivi hemm l-inkoraġġiment tal-kaċċa fir-rebbiegħa  u issa jidher li l-Gvern qed jikkunsidra li jesperimenta ukoll bl-insib minkejja li din hu pprojibit mid-Direttivi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll skada il-perjodu transitorju stabilit mit-trattat ta’ adezjoni.

Il-bogħod jew viċin?

PN imxaqqaq

Qalulna li dawk li issa bdew imexxu l-PN jixtiequh jerġa’ jsir Partit tan-Nies.  Dawk ta’ madwar Simon jgħidu li jixtiequ li l-PN “jerġa’ jsir Partit tan-Nies”. Stqarrija bħal din imma twassal għal numru ta’ mistoqsijiet :

1)      Mela allura issa ġie aċċettat li għal xi żmien il-PN ma kienx partit tan-nies?

2)      Meta kien dan?  Meta waqaf il-PN milli jkun partit tan-nies?

3)      X’kienet ir-raġuni li l–PN ma baqax partit tan-nies?

4)      Min kien il-kawża li l-PN ma baqax partit tan-nies?

5)      Min kien, jew min kienu, dak jew dawk li mexxew il-quddiem l-idea biex il-PN għal xi żmien ma jibqax il-partit tan-nies?

Għal kull waħda minn dawn il-mistoqsijiet hemm tweġiba ċara li turi kif il-PN tul is-snin injora l-egħruq tiegħu. Dawk li bl-azzjonijiet tagħhom wasslu lill-PN sa din il-posizzjoni jew għadhom mas-saqajn inkella huma rappreżentati minn persuna jew persuni oħra.

Allura, wara dan kollu l-konklużjoni loġika toħroġ waħeda. Il-bidla tal-Kap tal-PN tista’ ma taghmilx differenza jekk dawk kollha li wasslu lill-PN fil-posizzjoni li hu illum ma jwarrbux.

Il-fatt li dan kollu ma jseħħx kif ukoll ma jidhirx li ser iseħħ fil-futur qrib ifisser li ta’ l-inqas għalissa l-PN ser jibqa’ kif inhu: partit il-bogħod min-nies.

Bil-paroli jingħadu ħafna affarijiet. Fl-aħħar il-fatti jgħoddu!