Il-gass għal Delimara

gazprom

Il-gazzetti tal-lum, kif ukoll is-siti tal-aħbarijiet online jitkellmu dwar ir-respons internazzjonali għas-sejħa ta’ interess li għamel il-Gvern biex jibni power station li taħdem bil-gass kif ukoll biex eventwalment jaqleb għall-gass ukoll l-impjant tal-BWSC.

L-issues illum għadhom l-istess kif kienu waqt il-kampanja elettorali b’xi differenzi żgħar imma importanti.

L-ewwel punt importanti dejjem kien u għadu li l-gass iħammeġ inqas mill-heavy fuel oil li qed jintuża illum. Indubjament dan iwassal biex titjib il-kwalita’ tal-arja fl-inħawi madwar Delimara. Kemm ser jiswa’ l-gass u x’garanzija ta’ prezzijiet jista’ jkun hemm? X’joffri is-suq?

Waqt il-kampanja elettorali il-Partit Laburista kien qalilna li is-suq joffri garanzija ta’ provista’ ta’ għaxar snin liema garanzija tfisser prezz fiss għal għaxar snin. Imma fis-sejħa li ħarġet dawn l-għaxar snin jidher li diġa niżlu għal ħames snin. Jiġifieri diġa hu ċar li ma jistax ikun hemm garanzija ta’ prezz u ta’ provista għal 10 snin. Jekk il-proposti sottomessi l-bierah jindirizzawx din l-issue jew le għad irridu naraw. Waqt il-kampanja elettorali, xahrejn ilu, diġa kien jidher li kien ser ikun diffiċli li jkun hemm garanzija ta’ prezz u provista għal iktar minn tlett snin.

Forsi tgħiduli li fin-negozju kollox possibli sakemm tħallas! Huwa veru, imma għad irridu naraw kif dan kollu ser ikun rifless fin-nefqa u fl-aħħar fil-prezzijiet. Għax il-problema qatt ma kienet dwar jekk hux possibli li jkun hemm impjant li jaħdem bil-gass imma kif dan ser ikun rifless fil-prezzijiet tal-elettriku ġġenerat.

Waqt il-kampanja, għan-nom ta’ Alternattiva Demorkatika bl-iktar mod ċar kemm jiena kif ukoll kelliema oħra, għidna li l-proposta Laburista għall-power station li taħdem bil-gass tista’ tkun proposta tajba. Iżda l-informazzjoni dakinnhar biex issostni l-proposta Laburista kienet fjakka. Għadha fjakka sal-lum.

Kien hemm u għad hemm xi oqsma li ma kienux ċari.

L-ewwel: kemm hu possibli li proġett ta’ din l-entita’ jitlesta f’sentejn? It-tieni: bl-ispejjes meħtieġa kemm hu fattibbli dak li qed jgħid il-Labour Party li jorħsu l-kontijiet?  It-tielet: x’ispejjes ittieħdu in konsiderazzjoni biex il-Labour Party wasal għall-konklużjonijiet tiegħu?

Il-Labour Party waqt il-kampanja elettorali qal li kellu studji dettaljati lesti. Kellu ukoll konsulenti, mingħalija Daniżi, li qalu illi tali studji kienu jeżistu u li l-proposti kienu fattibbli.

Imma dokumenti li jissostanzjaw dak li qal il-Labour Party qatt ma ġew ippubblikati. L-iskuża dejjem kienet waħda ta’ sensittivita’ kummerċjali. Li il-PL ma riedx jikxef idejh. It-trasparenza a jidhirx li hi l-forte tal-Labour!

Ħlief ismijiet ta’ ditti rinomati s’issa m’għandniex. Dawn l-ismijiet ifissru li dawn id-ditti bħax-Shell, Gazprom, Daewoo, Edison …………… huma interessati għax f’dan l-istadju jaħsbu li hi proposta li minnha jistgħu jagħmlu biċċa business tajba. Issa jekk dan hux fl-interess ta’ Malta ukoll għad irridu naraw.