Malta u l-iżbroff tal-vulkan Marsili

Marsili Area of impact

M’hiex xi storja ġdida li l-vulkan Marsili jista’ jiżbroffa minn ħin għall-ieħor. Hi storja li kien hawn ħafna diskussjoni dwarha madwar tlett snin ilu.

Il-vulkan Marsili hu vulkan rieqed li qiegħed sitwat taħt il-baħar Tirren. Minn studji li saru ma jidhirx li qatt żbroffa fl-istorja riċenti. Fil-gazzetti ta’ tlett snin ilu jingħad li qatt ma kien hemm żbroff ta’ dan il-vulkan “since the start of recorded history”.

Qiegħed iżda jingħad li billi l-ħitan tiegħu huma dgħajfa, jista’ jiżbroffa minn ħin għall-ieħor. Iżda meta dan ser iseħħ, jekk iseħħ,  ħadd ma jaf. Il-konsegwenzi iżda jafu jkunu diżastrużi. Kif jidher fil-mappa ta’ hawn fuq l-impatt ewlieni jkun fuq in-naħa t’isfel ta’ l-Italja u fuq it-tramuntana ta’ Sqallija. Minħabba li Sqallija isservi ta’ tarka jidher li ftit li xejn ikun hemm impatt fuq il-gżejjer Maltin.

Fl-inħawi li jistgħu jkunu milquta kemm fi Sqallija kif ukoll fl-Italja, ser isiru eżerċizzji ta’ taħriġ mill-awtoritajiet fil-pajjiż inkarigati mill-protezzjoni ċivili dwar kif l-awtoritajiet għandhom jilqgħu għall-emerġenza li tista’ tinħoloq.

L-impatt ikun bħala riżultat tal-maremot (tal-qawwa ta’ 7.5 fuq l-iskala Richter) li l-iżbroff tal-vulkan jiġġenera. Hu ikkalkulat li dan l-iżbroff jista’ jiġġenera tsunami b’mewg għoli għaxar metri li jista’ jagħmel ħerba fiż-żoni indikati fil-mappa ta’ hawn fuq.

U f’Malta?  Jidher li ftit li xejn ser ikun hemm impatt kif anke’ qalet is-seżmologa Maltija Dr Pauline Galea f’kummenti li kienet tat lit-Times f’Malta tlett snin ilu.

Imma jkun għaqli li fil-waqt li nosservaw li l-iżbroff ta’ dan il-vulkan, jekk iseħħ, ftit li xejn jista’ jkollu impatt fuq Malta, nagħmlu sewwa jekk neżaminaw ftit fil-fond il-ħidma tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u naraw ftit jekk aħniex ippreparati f’kaz li nintlaqtu minn xi diżastru simili.

Wisq naħseb li m’aħniex ippreparati.

Tajjeb li nistaqsu ftit mistoqsijiet.  Għal-lum waħda tkun biżżejjed.

Fl-1 ta’ Diċembru 1999 il-Parlament Malti approva liġi li permezz tagħha waqqaf id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Skond din il-liġi il-Prim Ministru kellu jaħtar Kunsill dwar il-Protezzjoni Ċivili li fost ir-responsabbiltajiet tiegħu għandu l-obbligu li jara li l-pajjiż ikun imħejji għall-“emergenzi u diżastri pubbliċi”.

Fejn wasalna?