Xogħol il-Membru tal-Parlament

carrots

Il-Gvern permezz ta’ diversi dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Joseph Muscat repetutament qed jgħid li jrid jinvolvi lill-Membri tal-Parlament taż-żewġ naħat tal-Kamra fil-ħidma tal-Gvern.

Dan nissel reazzjonijiet diversi inkluż, u b’mod partikolari, mill-Opposizzjoni. Il-bieraħ fil-fatt Simon Busuttil Viċi Kap tal-PN qal li l-Opposizzjoni mhiex ser tinxtara. Dan qalu kemm fil-Parlament kif ukoll fl-artiklu tiegħu ta’ kull ġimgħa fit-Times intitolat A flawed “executive” offer .

Xogħol il-Membru tal-Parlament hu fil-Parlament. Jiġifieri jagħmel il-liġijiet u jgħarbel il-ħidma tal-Eżekuttiv. Minflok iżda qed tiġi żviluppata l-idea li dawk il-Membri Parlamentari li mhumiex Ministri jew Segretarji Parlamentari jkun aħjar jekk jinstabilhom xi ħaġa biex ikollhom biex jgħaddu l-ħin għax inkella jsibu huma l-mezz biex jgħaddu l-ħin. Il-konsegwenzi ta’ dan ma jkun xejn pjaċevoli kif jaf sewwa Lawrence Gonzi!

Din m’hiex xi ħaġa li ivvinta Joseph Muscat. Esperimentaw biha l-Prim Ministri kollha ta’ qablu. Kemm Mintoff fis-snin sebgħin kif ukoll Gonzi fis-snin li għadhom kif għaddew fittxew modi kif jokkupaw il-ħin tal-Membri Parlamentari. Mintoff u Gonzi din għamluha mal-Membri Parlamentari tal-Gvern li kienu jmexxu. Joseph Muscat qed jipprova jifrex il-ħsieb iktar minn hekk u jsib applikazzjoni tiegħu mal-Opposizzjoni ukoll.

Naħseb li l-idea hi fil-prinċipju żbaljata. Għax il-kapaċita u l-kompetenza ta’ kull Membru Parlamentari għandha tkun applikata fil-ħidma tal-Parlament.

L-ewwel nett fil-ħidma diretta tal-Kamra u l-kumitati tagħha, fil-parteċpazzjoni fid-dibatti dwar liġijiet u l-politika tal-oqsma differenti. It-tieni fis-sorveljanza tal-ħidma tal-Gvern inkluż fil-mod kif jaħdmu l-awtoritajiet: kif jonfqu l-fondi allokati kif ukoll kif titfassal u tiġi applikata l-politika fl-oqsma differenti.

Fost oħrajn il-Parlament għandu jkun full-time. Jiġifieri l-Membri Parlamentari għandhom jokkupaw il-ħin kollu tagħhom fil-Parlament. Jekk u meta jagħmlu dan m’għandix dubju li jsibu ħafna x’jagħmlu. Wisq nibża’ iżda li la l-PN u l-anqas il-PL ma jixtiequ dan għax jekk il-Parlament jiġi f’posizzjoni li jagħmel xogħolu aħjar ikun diffiċli ħafna iktar li xi rokna tal-ħidma tal-Gvern tibqa’ mistura.

Din hi l-problema reali li qed jaffronta Joseph Muscat. Iffaċċja qablu Lawrence Gonzi. Kemm Muscat kif ukoll Gonzi jaħsbu li jkun għaqli li l-Membru Parlamentari jinżamm okkupat. Bħala riżultat t’hekk il-ħidma tal-Gvern tkun mgħarbla ħafna inqas milli hu neċessarju.