Alternattiva Demokratika: ħarsa l-quddiem

May 2011. divorce referendum result

Ir-riżenja ta’ Michael Briguglio hi issa aħbar pubblika. Kif jiġri dejjem, bħala Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika jiena issa qiegħed naġixxi ta’ Chairman minn floku. Fil-prattika dan ifisser il-koordinazzjoni neċessarja biex tissejjaħ il-Laqgħa Ġenerali Annwali fil-ġimgħat li ġejjin meta l-membri ta’ AD naħtru team ġdid biex imexxi l-Partit.

Wara ftit iktar minn ħames snin involut b’mod attiv f’Alternattiva Demokratika jiena naħseb li qed joqrob iż-żmien biex nieqaf u nagħmel il-wisa’ għal persuni oħrajn ta’ eta iżgħar li bl-enerġija u l-ideat tagħhom jistgħu jkomplu jibnu fuq dak li hi Alternattiva Demokratika illum. Jekk ma jkunx din is-sena jkun is-sena li ġejja u dan dejjem jekk it-team il-ġdid ikollu bżonn l-għajnuna tiegħi.

Fi ħsiebni nibqa’ attiv ta’ l-anqas sal-Laqgħa Ġenerali Annwali naqdi dmiri lejn il-membri li eleġġewni kif ukoll lejn il-5,506 votant li għoġobhom jivvutaw lill-Alternattiva Demokratika bħala l-ewwel preferenza tagħhom fl-elezzjoni ġenerali. Dan hu obbligu li naqdieh bil-qalb.

Kienu ħames snin ta’ ħidma kbira li fihom ħdimt ma’ tlett Chairmen differenti: Harry Vassallo, Arnold Cassola u matul dawn l-aħħar tlett snin u nofs ma Michael Briguglio. Kull wieħed minnhom ta’ l-kontribut tiegħu għall-bini ta’ Alternattiva Demokratika biex hi dak li hi illum. Ma kull wieħed minnhom ħadt pjaċir naħdem għax kull wieħed minnhom kien dedikat.

Il-ħidma politika mhiex faċli. Tirrikjedi sagrifiċċji li nagħmlu lkoll kemm aħna. Sagrifiċċji li nagħmluhom għax nemmnu li l-ħin dedikat għall-politika huwa investiment fit-titjib tal-pajjiż. Hi ħidma li permezz tagħha nagħtu kontribut biex il-ħajja ta’ madwarna tkun aħjar.

Il-ħajja madwarna tkun ħafna aħjar jekk nagħrfu nirrispettaw iktar lil xulxin: jekk ma nħallux il-preġudizzji li kull wieħed minna ġemma’ matul ħajtu itappnu l-mod kif inħarsu lejn dawk ta’ madwarna. Li inkunu kapaċi ngħidu dak li naħsbu huwa importanti. Imma huwa daqstant ieħor importanti li nkunu kapaċi nisimgħu dak li jrid jgħid ħaddieħor.

Li ninkuraġixxu d-diskussjoni miftuħa hu tajjeb. Imma fil-partiti politiċi b’mod partikolari hu importanti li dawk li jħaddnu ideat minoritarji ma jħossuhomx emarġinati.

Ilni kważi 40 sena attiv fil-politika l-parti l-kbira minnhom fil-Partit Nazzjonalista u kelli l-opportunita li nosserva li f’kull wieħed mill-partiti politiċi jinqalgħu ċirkustanzi li bħala riżultat tagħhom partit jagħmel għadu tiegħu minn dawk li jikkritikawh. Xi kultant minflok ma wieħed japprezza lil min kapaċi joħodha kontra l-kurrent u jlissen il-fehma tiegħu l-partiti politiċi għandhom ħabta li lil dawn jagħmluhom egħdewwa. Din iċ-ċirkustanza  hi riżultat li għadna ma fehmniex biżżejjed li l-partiti politiċi f’dan il-pajjiż huma wieħed mill-ftit postijiet fejn l-ideat jitħabbtu flimkien. L-enerġija li tirriżulta meta jitħabbtu flimkien dawn l-ideat tista’ tkun enerġija pożittiva imma sfortunatament għandna nuqqas ta’ persuni li kapaċi japprezzaw kif din l-enerġija pożittiva tingħaraf u kif tista’ tkun użata.

Sfortunatament din hi d-diżgrazzja ewlenija tal-politika Maltija. Flok nikkompetu b’mod pożittiv naħlu wisq enerġija fin-negattivita u fis-suspetti. Ir-riżultat hu li qed naħlu ħafna talenti.

L-awgurju tiegħi hu li nitgħallmu iktar. Li nagħrfu iktar dak li hemm pożittiv f’kull wieħed minnha. M’huwiex faċli. Imma naħseb li hu possibli.

3 comments on “Alternattiva Demokratika: ħarsa l-quddiem

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s