Spekulazzjoni dwar Alternattiva Demokratika

 May 2011. divorce referendum result

Hi normali li fejn l-informazzjoni tkun ftit nieqsa l-media tispekula dwar x’jista’ jkun qiegħed jiġri. Dan tagħmlu biex twassal ritratt tas-sitwazzjoni kif tkun qed tarah hi dak il-ħin.

Hekk qed tagħmel parti mill-media dal-għodu dwar it-tmexxija ta’ Alternattiva Demokratika.

Fit-Torċa hemm artiklu interessanti ta’ Mark Camilleri intitolat Il-bidla u ċ-ċaqlieq ideoloġiku. Hu analiżi tas-sitwazzjoni attwali kif ukoll tal-mixja ta’ Alternattiva Demokratika tul dawn l-aħħar ħames snin. Ir-riflessjonijiet tiegħu huma validi u xejn ma jdejquni. Jistimulaw id-diskussjoni.

Hemm imbagħad artiklu fil-Malta Today intitolat Briguglio decapitates himself after internal criticism. Dan l-artiklu m’huwiex iffirmat. Jieħu spunti selettivi minn diskussjoni interna f’Alternattiva Demokratika u jibni storja fuq dan. L-inċens ma jonqosx. Jikkonkludi li d-deċiżjoni ta’ Michael Briguglio li jwarrab tidher mgħaġġla.

M’għandix dubju li l-awtur ta’ dan l-artiklu jifhem li partit politiku li fih m’hemmx diskussjoni ħajja (u jekk meħtieġ ukoll imqanqla) jkun partit mejjet. Id-dibattitu intern hu pre-rekwizit essenzjali għall-ħidma politika. Fortunatament f’Alternattiva Demokratika matul dawn il-ħames snin kien hemm diskussjoni ħajja u kontinwa.

Hemm imbagħad fil-Malta Today ukoll il-kumment ta’ Salvu Balzan fil-paġna tiegħu. Kumment dwari li donnu pprogrammat li jidher fil-Malta Today kull darba li jkun hemm il-kariga ta’ Chairman ta’ Alternattiva Demokratika battala. Għal darba oħra Salvu jibbottja li jekk jiena nieħu t-tmexxija ta’ Alternattiva Demokratika wara Michael Briguglio dan ikun diżastru madornali.

Hemm imbagħad kumment fil-paġna 7 tal-gazzetta l-Illum iffirmata mill-korrispondent li jiddeskrivi lilu innifsu bħala Il-poodle. Dawn l-osservazzjonijiet huma deskritti b’dan il-mod “Ġabra ta’ osservazzjonijiet bażati fuq il-veritajiet li qatt ma joħorġu għax hekk iridu”.

Mela Il-poodle jgħid ukoll li jiena irrid immexxi l-Ħodor. Jagħti ukoll ftit tal-kulur. Jgħid li fl-1996 meta kont għadni attiv fil-PN kont mort għand Austin Gatt flimkien ma George Pullicino u tlabtu (lill-Austin Gatt) biex jirreżenja.

Issa li kieku fl-1996 tlabt lil Austin Gatt biex jirreżenja ma kontx ser nistħi ngħid li għamilt hekk. Imma sfortunatament dan m’għamiltux.

Dwar it-tmexxija ta’ Alternattiva Demokratika naħseb li f’dan l-istadju ħadd għadu ma jaf xejn għax ħlief għal Michael Briguglio jidher li ħadd għadu ma ħa l-ebda deċiżjoni. Naħseb li jkun għaqli iżda li jkun hemm ħafna demm ġdid.