Ħadt sehem fit-tieni Summit ta’ Eko-Skola dwar l-Ambjent li sar dal-għodu fi Xrobb l-Għaġin Marsaxlokk.
Flimkien ma Mario de Marco u Joseph Muscat indirizzajt lill-istudenti u lill-għalliema tagħhom.
Iż-żgħażagħ tagħna fehmu l-ħtieġa li jeħtieġ li jkunu huma li jieħdu ħsieb il-futur tagħhom. Dan hu rifless b’mod qawwi fid-dikjarazzjoni tagħhom li approvaw dal-għodu fi tmiem is-summit.
Iddiskutew bosta suġġetti pero fuq quddiem kien hemm l-ilma, l-enerġija l-iskart u l-baħar ta’ madwarna.
Id-diskussjoni li kellhom dal-għodu tawgura tajjeb ħafna għal futur għax ifisser li tiela ġenerazzjoni b’sensittivita ikbar għal dak kollu li qiegħed jiġri madwarha. Huwa awgurju tajjeb ukoll għall-għalliema u l-familji ta’ dawn iż-żgħażagħ. Għax iżjed minn xi ħaġa li tgħallmu dak li smajt dal-għodu hu prova ta’ dak li jħossu, ta’ dak li jippruvaw jgħixu kemm huma kif ukoll dawk ta’ madwarhom.
Prosit mill-ġdid liż-żgħażagħ tagħna li permezz ta’ eko-skola qed juru kemm li tinvesti fil-ġenerazzjonijiet futuri hu l-iktar pass għaqli.