Lawrence Gonzi f’attivita’ politika l-lejla kien rappurtat li insista biex Joseph Muscat jippubblika l-lista tal-kuntratturi li qed jgħinu u jiffinanzjaw lill-Partit Laburista. Ġie rappurtat ukoll li qal li jrid ikun jaf min huma l-kuntratturi wara l-proposti li l-Partit Laburista għamel in konnessjoni mat-tibdil propost mill-PL fil-MEPA kif ukoll dwar il-proposta tal-Power Station.
Lawrence Gonzi qed jagħmel sewwa jinsisti għal din l-informazzjoni kollha. Informazzjoni li Alternattiva Demokratika ilha titlob snin twal sa mit-twaqqif tagħha. Tajjeb li anke Lawrence Gonzi issa jħoss il-ħtieġa tagħha. Donnu qed jiftaħ għajnejħ għall-ħażen li hawn madwaru!
Imma Lawrence Gonzi kien ikun iktar kredibbli li kieku jagħti l-eżempju u jkun hu l-ewwel li jagħti l-lista tal-benefatturi tal-Partit Nazzjonalista. Għax il-Partit Nazzjonalista ilu mill-1995 ikaxkar saqajh dwar il-ħtieġa ta’ liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti poltiiċi. Qatt ma ħass l-urġenza li jieħu passi, probabilment għax dejjem ħassu li kien minn fuq!
Forsi Lawrence Gonzi ma jarax il-ħtieġa li jippubblika l-lista tal-benefatturi tiegħu minħabba li jidher li din ser tibda tippubblika l-Malta Today. Nhar il-Ħadd li għadda din il-gazzetta ippubblikat l-istorja tas-Sammaritan Żaren Vassallo. Storja li ġiet miċħuda kemm minn Pawlu Borg Olivier (li jidher li ippreżenta kawża ta’ libell) kif ukoll mis-Sammaritan innifsu.
Fit-tweġiba li Pawlu Borg Olivier ta’ dwar l-artiklu tal-Malta Today qalilna li l-PN dejjem uża servizzi tal-kumpanija tas-Sammaritan Vassallo (MFCC). Qalilna li “The party said it leases services from MFCC and other suppliers through commercial arrangements, including barter agreements, as is the norm for the two parties.” Jiġifieri, PBO qed jgħidilna li l-PN ġieli flok ħlas partat il-kiri ta’ tined ma affarijiet oħra. Interessanti din. Il-mistoqsija tiġi waħdha: x’kien in-natura ta’ tpartit? Għax ngħiduha kif inhi, Żaren Vassallo iktar hu assoċjat mal-Yellow Pages milli mat-tpartit.
Issa drajnihom lill-Partit Nazzjonalista u lill-Partit Laburista: meta jkunu fil-Gvern ma jieħdux passi dwar il-finanzjament tal-partiti politici għax ikunu minn fuq u meta jkunu fl-Opposizzjoni jokorbu għax qegħdin minn taħt.
Matul l-2012 it-tnejn li huma kellhom ċans tad-deheb meta permezz ta’ mozzjoni privata Franco Debono ressaq abbozz ta’ liġi propju dwar dan is-suġgett. Abbozz li kien fih xi affarijiet żgħar x’tirranġa imma li kieku l-PN u l-PL verament riedu jilleġislaw kellhom ix-xogħol kollu lest. Imma ma riedux u għalhekk qegħdin fl-istat attwali.
Din hi s-sitwazzjoni li Parlament magħmul u ikkontrollat minn żewġ partiti politiċi ġiebna fiha. Sitwazzjoni li nistgħu noħorġu minna biss bil-wasla ta’ Alternattiva Demokratika fil-Parlament. Għax Alternattiva Demokratika ma hi fil-but ta’ ħadd, kif inhuma l-PN u l-PL.
Jekk trid li l-Parlament ma jkunx fil-but tal-kuntratturi għażla waħda biss għandek: li tivvota Alternattiva Demokratika.