Il-Ministru Tonio Fenech il-bieraħ ippreżenta ir-rapport tal-KPMG dwar il-proposta tal-Labour fuq l-enerġija waqt konferenza stampa fil-kwartieri ġenerali tal-PN.
Il-KPMG kienu imqabbda mill-Korporazzjoni Enemalta biex jagħmlu dan ir-rapport. Nifhem li l-ispejjes ta’ dan ir-rapport tħallsu mill-Korporazzjoni Enemalta. Jiġifieri mit-taxxi li nħallsu aħna lkoll. Qed ngħid mit-taxxi u mhux mill-kontijiet tad-elettriku minħabba li dak li l-Korporazzjoni Enemalta tiġbor mill-kontijiet mhux biżżejjed biex tħallas l-ispejjes tagħha. Tingħata l-għajnuna permezz ta’ sussidji li jipprovdilha l-Gvern mit-taxxi.
Mela l-konklużjoni loġika ta’ dan kollu hi li l-Korporazzjoni Enemalta ikkummissjonat rapport biex jintuża fil-kampanja elettorali tal-PN. Ir-rapport ma kienx meħtieġ għall-Gvern, iżda kien meħtieġ għall-PN.
Naħseb li dan hu finanzjament illeċtu tal-kampanja elettorali tal-PN bl-użu ta’ fondi pubbliċi.
F’pajjiżi oħra l-istampa indipendenti kienet tqajjem kjass u teżiġi li l-PN iħallas lura lill-Enemalta l-ispejjes li għamlet. Il-korporazzjonijiet pubbliċi m’għandhomx jintużaw b’mod partiġjan!
Imma donnu li f’Malta kollox jgħaddi! Qiesu ma ġara xejn.