Jistaħbew wara l-konsulenti

management-consultancy

Il-Ministru Tonio Fenech preżentment qiegħed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet għax f’rapport ikkummissjonat mill-Enemalta id-ditta ta’ awdituri KPMG waslet għal konklużjoni li taħt il-Labour mhux veru li l-kontijiet ser jorħsu. Il-KPMG, skond Tonio Fenech, qed jgħidu li l-kontijiet fil-fatt ser jogħlew b’5%.

Mela fuq naħa issa għandna lil Labour Party li bil-ħafna rapporti li għandu (u li żammhom għalih, mhux pubblikati) qalilna li l-kontijiet ser jorħsu. U fuq in-naħa l-oħra lil Tonio Fenech li wara li kkritika dettaljatament il-proposta tal-Labour issa mar pass oltre.

Sadanittant il-konsulenti tħallsu. Il-konsulenti tal-Labour mill-fondi tal-kampanja elettorali – ġew minn fejn ġew – u r-rapport tal-Enemalta mill-kaxxa ta’ Malta!

Sadanittant s’issa ħadd minna għadu ma ingħata iċ-ċans li jara r-rapporti oriġinali. Tal-Labour jidher li ser jibqgħu imsakkrin u tal-Enemalta għad irridu naraw. S’issa l-power point presentation giet ippubblikta.

Il-PN u l-Labour qalulna x’qed jipproponu jew jaħsbu. Għandhom rapporti li qed jgħidu li jissostanzjaw dak li qed jgħidu.Iżda ir-rapporti żammewhom għalihom.

Ma jħossux li aħna nistgħu nifhmu x’qiegħed jingħad.

Din hi l-politika taż-żewġ partiti: jistaħbew wara l-konsulenti, u tħallas int.