Il-proposta tal-Labour hi waħda valida. Imma hi nieqsa mid-dettalji biex id-diskussjoni dwarha twassal għal konklużjoni pożittiva.
Hemm diversi punti validi.
Li jkollna impjant li jaħdem bil-gass ifisser inqas impatti fuq l-arja u per konsegwenza fl-inħawi fejn jaqbel il-proposta twassal għal kwalita’ tal-arja li tkun aħjar.
Il-PL qed jgħid li f’21 xahar jista’ jwettaq din il-proposta. Hawnhekk fl-opnjoni tiegħi hawn diversi affarijiet li jeħtieġ li jkunu ċċarati.
Iktar m jgħaddi żmien iktar qed jidher li biex iż-żmien ikun qasir mhux ser jinħarġu tenders. Ser ikun hemm “expression of interest”. L-anqas ma hu ċar dwar proċess ta’ permessi u studji dwar l-impatti ambjentali. Gfħax minkejja li diġa saru studji fl-inħawi dwar l-estensjoni tal-impjant ta’ Delimara dawn ikun meħtieg li bħala minimu jkunu aġġornati in vista ta’ proposta li hi teknikament differenti u li għalkemm ser naqqas uħud mill-impatti tista’ tiġġenera impatti differenti.
Il-proċess tat-tendering m’huwiex kapriċċ li nistgħu ngħaddu mingħajru. Huwa proċess b’mekkaniżmi li huma intenzjonati li jnaqqsu l-irregolaritajiet. Illum il-ġurnata huma proċeduri ikkumplikati u jinkludu appell minn eventwali deċiżjoni. Li twarrab dawn il-proċeduri m’huwiex ħaġa għaqlija. Biha tnaqqas iż-żmien, imma biha ukoll tnaqqas il-kontrolli fuq il-proċess innifsu. U għalkemm l-ebda proċess ta’ kontrolli ma hu garanzija assoluta kontra l-abbuż, li twarrab il-proċess tat-tendering hu żball. Tnaqqas iż-żmien vera imma iżżid il-possibilita’ tat-tahwid. Tiftaħ il-bibien beraħ għall-abbuż. Dan ikun il-konsegwenza ta’ Direct Order li jidher li hemm ippjanat għal Delimara.
Hemm imbagħad il-costings tal-proġett. Dawn ftit li xejn nista’ nikkummenta fuqhom sakemm ma narax ir-rapporti u l-istudji li saru. Għalhekk meħtieġa t-trasparenza biex dak li qiegħed jintqal ikun issostanzjat.
L-aħħar punt huwa dwar garanzija għal prezz tal-gass. Qiegħed jintqal li ser tintalab garanzija ta’ 10 snin dwar il-prezz tal-gass. Il-costings jidher li x’aktarx huma ibbażati fuq dan.
Ma naħsibx li din hi kundizzjoni realistka. Għalkemm il-gass hu orħos mill-fuel użat illum, u huwa iktar effiċjenti ukoll, xorta huwa soġġett għal prezz li jvarja. Huwa antiċipat ukoll illi dan il-prezz jista’ jiċċaqlaq il-fuq matul iż-żmien u dan billi d-domanda għalih qed tikber. Issa jekk il-PL għandu xi garanzija f’dan is-sens dan il-fatt huwa importanti ħafna. Mhux biss għall-garanzija innifisha imma ukoll dwar il-kundizzjonijiet li jista’ jkun hemm marbuta magħha.
Din hi l-posizzjoni.
Diskussjoni ibbilanċjat hi meħtieġa. Imma biex issir il-Labour irid jippubblika l-informazzjoni kollha li għandu. Jekk l-informazzjoni tiġi ippubblikata diskussjoni serja tista’ tagħmel il-ġid f’din il-kamoanja elettorali għax isservi biex niddiskutu politika nazzjonali dwar l-enerġija. Jekk le ifisser li l-Labour irid jgħaddi ż-żmien bin-nies.