Bil-flus ħerġin minn widnejh

euro-bills

Smajt lill-Avukat Gonzi jgħid li donnu Dottor Joseph Muscat għandu l-flus ħerġin minn widnejh. Dan qalu meta kien qed jikkummenta dwar il-gimmick tax-xandira tal-Labour f’nofs il-lejl biex iħabbrilna l-bidu tal-kampanja elettorali u s-slogan tal-PL għall-elezzjoni.

Ftakart ftit meta l-Avukat l-ieħor, Pawlu Borg Olivier, kien qalilna li l-PN fqir ħafna ħdejn il-Partit Laburista.

U ngħid jiena mela x’kien qed iżomm lill-Avukat Gonzi milli jagħmel liġi dwar il-finanzjament tal-partiti?

In-nuqqas tal-PN f’dan il-qasam hu l-kawża ta’ ħafna mill-gwaj fil-politika. Din hi waħda minn dawk l-affarijiet li dwarhom Franco Debono kellu raġun.

U bilħaqq, jista’ xi ħadd jispjegali ftit kif partit li jgħid li hu fqir jonfoq dawk il-flejjes kollha fil-billboards? Għal dawn ma ntefqux euro jew tnejn!

Lil hinn mis-slogans

Nafu s’issa t-tlett slogans għall-elezzjoni:

tal-Partit Laburista : Malta Tagħna Lkoll

tal-Partit Nazzjonalista : Futur fis-Sod

ta’ Alternattiva Demokratika : Magħna taf fejn qiegħed.

Dawn is-slogans ifissru fi 3 jew 4 kelmiet il-qalba tat-tlett programmi elettorali.

Ir-realta’ hi li t-tlett slogans flimkien jiġbru dak kollu li jeħtieġ il-pajjiż.

Kulħadd għandu jkun ċar u jindirizza l-issues reali mingħajr ma joqgħod jistaħba wara subgħajh u jdur mal-lewża. Iċ-ċarezza hi fundamentali għall-onesta’ politika tal-partiti – għalhekk AD tinsisti li “magħna taf fejn qiegħed.”

Jekk kulħadd ikun ċar il-futur tagħna lkoll ikun fis-sod għax inkunu nistgħu nassiguraw li Malta hi tagħna lkoll.