Magħna taf fejn qiegħed

new identity

 Il-ġimgħa d-dieħla nisimgħu s-suffara li ssejjaħ elezzjoni ġenerali.

Alternattiva Demokratika ser terġa tkun hemm fuq id-Distretti kollha. F’uħud b’kandidat wieħed, f’oħrajn b’iktar.

Il-programm elettorali ta’ Alternattiva Demokratika bħal dejjem ser ikun ċar fuq issues li partiti oħra jevitaw. Hekk ġara fil-passat dwar id-divorzju u r-riforma tal-liġijiet tal-kera. Il-partiti l-oħra evitaw dawn is-suġġetti fil-kampanja elettorali imma mbagħad kellhom jiffaċċawhom fil-Parlament.

Alternattiva Demokratika m’hi ostaġġ ta’ ħadd, għalhekk titkellem ċar.

AD tkompli tkun l-akbar difensur ta’ dak li baqa’ mill-wirt ambjentali Malti, tistinka għal aktar spazji pubbliċi u infrastruttura aħjar. AD mħiex ostaġġ tal-kaċċaturi u n-nassaba, l-iffissati fil-logħob tan-nar, l-abitanti illegali tal-Armier, u spekulaturi u żviluppaturi bla rażan. Issejjaħ għal politika sostenibbli dwar l-art u l-ilma, għal politika ekonomika progressiva, bħal żieda fil-paga minima u taxxa mit-tielet proprjetà vojta lil hinn.

AD hi favur politika soċjali umana u drittijiet ugwali għal kulħadd, fosthom il-minoranzi fil-politika soċjali u tal-familja, bħall-persuni b’diżabilità, il-persuni LGBT u kull tip ta’ familja. AD hi favur ugwaljanza bejn is-sessi, id-dekriminalizzazzjoni tad-drogi għall-użu personali, u l-għajnuna għall-vittimi tad-droga minflok kriminalizzazzjoni.

AD lesta biex taħdem ma’ ħaddieħor, skont programm konġunt maqbul. Taħdem biex dak miftiehem jitwettaq meta nkunu fil-Parlament. Bħala sieħeb minuri, AD tistinka biex tkun żviluppata il-politika bil-kunsens u ma theddidx li tgħaddi tagħha akkost ta’ kollox, konxja mill-fatt li dan iġib l-instabilità.

Vot għal Alternattiva Demokratika jkun vot għall-bidla fil-mod ta’ tmexxija u favur stabbilità.

Jekk temmen li għandhom jkunu fuq quddiem il-ġustizzja soċjali, id-drittijiet ċivili, il-ġustizzja ambjentali, l-iżvilupp sostenibbli, il-modernizzazzjoni ekoloġika u, fuq kollox, ir-riforma tal-istituzzjonijiet għat-tisħiħ tad-demokrazija, mela taf fejn qiegħed mal-Alternattiva Demokratika. Vot għall-PN jew għall-PL ifisser vot għas-sistema staġnata taż-żewġ partiti.

Jekk vera trid il-bidla, ivvota Alternattiva. Magħna taf fejn qiegħed.

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s