Jiena ukoll irċevejt l-ittra anonima tal-PN li paġna minnha qed nirriproduċi hawn fuq.
Żammejtha għax mill-envelope u l-label għaraft mill-ewwel minn fejn ġiet. Fl-ebda ħin ma kelli dubju u irriżulta li kelli raġun dwar dan.
Il-PN beda l-kampanja tat-twerwir bit-transfers.
Jiena ma kellix bżonn min ifakkarni għax kemm il-PN fil-Gvern kif ukoll il-Labour fil-Gvern it-tnejn imxew ħażin miegħi meta kont impjegat fis-settur pubbliku.
Fiż-żmien li Lawrence Gonzi u l-PN ilhom fil-Gvern mhux transfer ħadt iżda kelli l-kuntratt tax-xogħol fl-uffiċċju tal-Uffiċjal tal-Verifika tal-MEPA (Audit Officer) mhux imġedded u dan f’April 2007!
L-istorja tiegħi mal-Labour seħħet fl-1984 meta tkeċċejt mix-xogħol mal-Gvern għax kont nikteb fil-gazzetti tal-PN.
Għadni ma fhimtx għalfejn bgħatuli l-ittra anonima. Imma jidher li l-PN għandhom ħafna flus x’jaħlu.
M’għandhomx għalfejn ifakkruni. Għax jiena niftakar sewwa x’għaddejt minnu! Imma jidher li huma (il-PN) donnhom insew, u jippretendu li l-uniku passat li jeżisti hu ta’ ħaddiehor. Għax tagħhom iridu jinsewh qiesu qatt ma kien xejn. Mhux hekk tgħid.