Wara Xarabank li ma sarx …………..

Xarabank

Il-bieraħ fil-għaxija kont mistieden għall-programm Xarabank biex fid-dibattitu bejn Simon Busuttil u Anġlu Farrugia ngħaddi xi kummenti.

Qed ngħid ngħaddi xi kummenti għax fil-programm kont ser nipparteċipa u inkun allokat massimu ta’ 8 minuti għal xi tlett interventi bħalma xi ġimgħat ilu kien allokat Michael Briguglio fid-dibattitu bejn il-mexxejja tal-PN u l-PL.

Alternattiva Demokratika m’għandiex l-istazzjon tagħha u allura m’għandiex għażla dwar x’tista’ tagħmel f’dawn iċ-ċirkustanzi, tiddependi kompletament fuq il-ħin offrut. Anke jekk dan ikun allokat b’mod li fil-fehma tagħna jkun inġust. Il-Partiti l-oħra min-naħa l-oħra għandhom kemm l-istazzjon televiżiv tagħhom kif ukoll iridu sehem mill-ħin fuq l-istazzjon nazzjonali.

Il-farsa li żviluppat fil-ħin li kellu jibda Xarabank il-bierah hi issa magħrufa. Franco Debono ried li jkollu l-opportunita li jiddibatti ma Simon Busuttil. Il-motiv ewlieni għal dan hu li matul il-ġimgħat u forsi anke matul ix-xhur li għaddew inżamm il-bogħod mill-istudios konnessi mal-PBS. Tas-Super One ovvjament jippruvaw jagħsru  li jistgħu għall-vantaġġ massimu li jippermettu ċ-ċirkustanzi. Tan-NET iqiesuh irrelevanti.

F’pajjiż fejn il-ġurnaliżmu investigattiv jirrenja, l-istazzjonijiet televiżivi kien ikollhom minjiera ta’ informazzjoni x’jesploraw fi Franco Debono.  Imma dan ftit li xejn sar sfortunatament. Għax il-ġurnaliżmu fil-pajjiż hu prinċipalment wieħed motivat minn aġenda politika. Ħafna drabi b’mod li tidher, xi drabi mlibbsa b’mod li hi taparsi indipendenti. F’xi każi indipendenti ftit, xi kultant ftit iktar.

Franco hu bniedem taħt assedju u fil-fehma tiegħi iħoss li billi ma ikkonformax mas-sistema din ippruvat toħonqu. Nifhem dak li jħoss għalkemm naħseb li ma użax il-metodi addattati. Il-konsegwenza hi li hu inħaraq u probabilment li ser jinħarqu miegħu dawk kollha li matul din il-leġislatura xelfu xi ftit difrejhom mat-tmexxija tal-PN.

Pero’ l-istorja ma naħsibx li tieqaf hawn. Kulħadd naħseb li tgħallem xi ħaġa minn dak li ġara fil-Parlament matul dawn il-5 snin. Mhux biss minn dak li qal u għamel Franco, iżda ukoll minn dak li għamel JPO. (Lil Mugliett ma nsejtux. Ma semmejtux għax ma kienx persuna li ħadet xi inizzjattiva. Pjuttost mexa mal-kurrent. Għamel numru ta’ diskorsi parlamentari tajbin. Wieħed minnhom kien dwar l-ismart meters. Kien diskors studjat u ippreparat.)

Hi ħasra li daqstant enerġija inħliet meta setgħet faċilment intużat b’mod ħafna iktar pożittiv.

Advertisements

4 comments on “Wara Xarabank li ma sarx …………..

  1. Naqbel perfettament mieghek Perit meta tghid li: ”il-ġurnaliżmu fil-pajjiż hu prinċipalment wieħed motivat minn aġenda politika. Ħafna drabi b’mod li tidher, xi drabi mlibbsa b’mod li hi taparsi indipendenti.”
    Mhux talli hekk, talli l-PBS, bhal ma dejjem gara fil-passat, huwa servili ghall-amministrazzjoni li tkun qed tmexxi lil pajjizna!
    Imbaghad jigi l-Prim Ministru u jiftahar bit-”trasparenza u serjeta fix-xandir”!
    Li Anglu Farrugia kien sostitwit minn Franco Debono mill-PL mhiex xi haga inaccettabbli. Li hu inaccettabbli huwa l-fatt li Simon Busuttil assolutament ma kellux il-guts jiffaccja lil Debono. Beza ghax jaf li l-Pn ittratta lil Debono hazin ferm. Beza ghaliex Debono qieghed ta’ kuljum ikun ippruvat li kellu ragun fil-kritika tieghu.
    Kien il-Prim Ministru li hawwad kollox biex jidher helu ma’ tal-Klikka – u spicca l-PN li bata l-konsegwenzi.

  2. Is-soltu loghob – bhal ta’ Sant u JPO din…issa ghamluha “l-ohrajn” – loghob tal-vavi. Anglu Farrugia beza minn Simon Busuttil u Simon Busuttil beza minn Debono…. u lilek Carmel kienu se jtuk ftit minuti biss biex twassal il-messagg tieghek u tal-AD. Muscat, Gonzi, Farrugia u Busuttil bla sinsla…u bhas-soltu fejn jidhol Peppi…

  3. Prosit Perit. Tawk ftit minuti, izda f’dan il-hin limitat urejt li kont ippreparat tajjeb, tkellimt bis-sens, b’argumenti sodi, sostanzjati b’fatti

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s