Wara Xarabank li ma sarx …………..

Xarabank

Il-bieraħ fil-għaxija kont mistieden għall-programm Xarabank biex fid-dibattitu bejn Simon Busuttil u Anġlu Farrugia ngħaddi xi kummenti.

Qed ngħid ngħaddi xi kummenti għax fil-programm kont ser nipparteċipa u inkun allokat massimu ta’ 8 minuti għal xi tlett interventi bħalma xi ġimgħat ilu kien allokat Michael Briguglio fid-dibattitu bejn il-mexxejja tal-PN u l-PL.

Alternattiva Demokratika m’għandiex l-istazzjon tagħha u allura m’għandiex għażla dwar x’tista’ tagħmel f’dawn iċ-ċirkustanzi, tiddependi kompletament fuq il-ħin offrut. Anke jekk dan ikun allokat b’mod li fil-fehma tagħna jkun inġust. Il-Partiti l-oħra min-naħa l-oħra għandhom kemm l-istazzjon televiżiv tagħhom kif ukoll iridu sehem mill-ħin fuq l-istazzjon nazzjonali.

Il-farsa li żviluppat fil-ħin li kellu jibda Xarabank il-bierah hi issa magħrufa. Franco Debono ried li jkollu l-opportunita li jiddibatti ma Simon Busuttil. Il-motiv ewlieni għal dan hu li matul il-ġimgħat u forsi anke matul ix-xhur li għaddew inżamm il-bogħod mill-istudios konnessi mal-PBS. Tas-Super One ovvjament jippruvaw jagħsru  li jistgħu għall-vantaġġ massimu li jippermettu ċ-ċirkustanzi. Tan-NET iqiesuh irrelevanti.

F’pajjiż fejn il-ġurnaliżmu investigattiv jirrenja, l-istazzjonijiet televiżivi kien ikollhom minjiera ta’ informazzjoni x’jesploraw fi Franco Debono.  Imma dan ftit li xejn sar sfortunatament. Għax il-ġurnaliżmu fil-pajjiż hu prinċipalment wieħed motivat minn aġenda politika. Ħafna drabi b’mod li tidher, xi drabi mlibbsa b’mod li hi taparsi indipendenti. F’xi każi indipendenti ftit, xi kultant ftit iktar.

Franco hu bniedem taħt assedju u fil-fehma tiegħi iħoss li billi ma ikkonformax mas-sistema din ippruvat toħonqu. Nifhem dak li jħoss għalkemm naħseb li ma użax il-metodi addattati. Il-konsegwenza hi li hu inħaraq u probabilment li ser jinħarqu miegħu dawk kollha li matul din il-leġislatura xelfu xi ftit difrejhom mat-tmexxija tal-PN.

Pero’ l-istorja ma naħsibx li tieqaf hawn. Kulħadd naħseb li tgħallem xi ħaġa minn dak li ġara fil-Parlament matul dawn il-5 snin. Mhux biss minn dak li qal u għamel Franco, iżda ukoll minn dak li għamel JPO. (Lil Mugliett ma nsejtux. Ma semmejtux għax ma kienx persuna li ħadet xi inizzjattiva. Pjuttost mexa mal-kurrent. Għamel numru ta’ diskorsi parlamentari tajbin. Wieħed minnhom kien dwar l-ismart meters. Kien diskors studjat u ippreparat.)

Hi ħasra li daqstant enerġija inħliet meta setgħet faċilment intużat b’mod ħafna iktar pożittiv.