Fil-Parlament għada t-Tnejn: mera għal Lawrence Gonzi

mirror

Għada t-Tnejn 10 ta’ Diċembru 2012, Lawrence Gonzi, Prim Ministru, b’diskorsu, jġib fi tmiemu l-ewwel fażi tad-diskussjoni dwar il-budget ghall-2013. L-oratorija m’hiex ser tonqos imma s-sustanza wisq nibża’ li ser terġa’ tkun assenti.

Ser iwieġeb dak li qal il-Kap tal-Opposizzjoni, li l-anqas hu ma qal kull ma kien jeħtieġ li jingħad. Lawrence Gonzi ser jipprova jfissrilna kif inhu meħtieġ li l-inċertezza li hawn fil-pajjiż tinqata’ billi jkun approvat il-budget.

Lawrence Gonzi iwaħħal f’kulħadd talli l-inċertezza mhux biss nibtet imma firxet l-għeruq tagħha fil-fond. Jaħseb li hu biss m’għandu l-ebda ħtija. Kulħadd għandu l-obbligu li jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu, jgħid. Imma dawk ta’ madwaru huma esklużi.

Din kienet leġislatura ħażina sa minn l-ewwel jum: għandha fuqha s-saħta tal-Mistra. Saħta li titfa d-dell fuq iż-żewġ naħat tal-Parlament.

Is-saħta tal-Mistra qegħda fuq Lawrence Gonzi għax fl-iskandlu tal-Mistra ipprova jgħatti l-iżbalji u ma kellux il-kuraġġ morali li jgħid li JPO kien żbaljat. Ipprova jpinġieh bħala vittma meta l-vittma vera kienet il-komunita’. Konmunita’ li suppost kellha istituzzjoni maħluqa apposta biex tiddefendiha – il-MEPA. Minflok  iżda din il-MEPA kienet kompliċi u għażlet li tiddefendi l-istupru tal-pajjiż.

Is-saħta tal-Mistra qegħda fuq Joseph Muscat ukoll.  Il-predeċessur tiegħu Alfred Sant kien iddeskriva lil JPO bħala morally and politically corrupt.  Imma Muscat ma ħass l-ebda skruplu biex jinqeda bih.

Hekk ġara fil-każ tal-barriera li Gonzi u RCC riedu li titħaffer quddiem il-Kon Katidral ta’ San Ġwann. Hekk ġara ukoll fuq il-mozzjoni biex il-Parlament iddikjara li m’għandux fiduċja f’RCC.

Id-dnub ma jorqodx u jidher li qed joqrob żmien il-kontijiet.

Il-konfront ta’ Gonzi ma Franco Debono hu żejjed għal partit li diġa qiegħed jegħreq. Kien hemm mument partikolari iżda li kien hemm possibilita’ li l-affarijiet ma jikkumplikawx ruħhom. Kienu ippreżentati quddiem il-Parlament żewġ mozzjonijiet.

L-ewwel mozzjoni kienet ippreżentata minn Franco Debono innifsu u kienet kritika tal-politika tal-Gvern ta’ Gonzi dwar il-Ġustizzja u l-Intern. Kritika qawwija u kienet tieqaf hemm.

It-tieni mozzjoni kienet ippreżentata minn Jose’ Herrera u Michael Falzon: barra li kienet tikkritika l-politika tal-Gvern dwar il-Ġustizzja u l-Intern kienet tipproponi ukoll vot ta’ ċensura fil-Ministru Carm Mifsud Bonnici.

Gonzi għażel li jpoġġi fuq l-agenda tal-Parlament il-mozzjoni tal-Opposizzjoni u ħalla fuq l-ixkaffa l-mozzjoni ta’ Franco Debono. Jiġifieri għamel għażla favur mozzjoni b’konsegwenzi negattivi u warrab mozzjoni li kienet tikkritikah u tieqaf hemm.

Nafu fejn wasslet din l-għażla. B’għażla ta’ Gonzi l-Parlament spiċċa sfiduċja lil Mifusd Bonnici. Deċiżjoni li Gonzi seta’ jevita imma ma riedx. Għaliex għamel hekk hu jaf.

Meta Gonzi jħares fil-mera ma jara l-ebda sinifikat fil-każ ta’ korruzzjoni ta’ Noel Borg Hedley (ex-Segretarju Privat tal-Ministru Tonio Fenech) li fil-Qorti ammetta akkużi ta’ korruzzjoni mill-iżviluppaturi JPM Brothers.

Il-fjask tal-Arriva bir-responsabbilta’ politika dwaru li kellu jinġarr minn Austin Gatt l-anqas ma kellu sinifikat għal Gonzi meta jħares fil-mera.

Issa  ħarġet oħra. Fir-rapport tal-Awditur Nazzjonali l-inkompetenza fl-amministrazzjoni finanzjarja tal-kumpanija tal-Gvern Wasteserve hi imfissra fid-dettall. L-iktar li jispikka hu dak il-kuntratt ta’ miljun euro li spiċċa jissarraf f’kuntratt ta’ disgħa u għoxrin miljun euro. Qiesu ma ġara xejn. Is-sejħa biex George Pullicino jerfa’ r-responsabbilta’ politika u jwarrab ma tfisser xejn.

Quddiem dan kollu it-talba ta’ Gonzi biex il-budget ikun approvat tistona. Għax il-vot fuq il-budget mhux biss vot favur budget rigressiv imma hu ukoll vot favur Gvern li hu moralment zopp. Gvern li jrid lil kulħadd jimxi sewwa imma hu mhux kapaċi jagħti l-eżempju. Għax repetutament irrifjuta li jerfa’ r-responsabbilta politika ta’ għemilu.

X’ser jiġri għada jiena ma nafx. Naf iżda ħaga waħda: li l-Gvern wasal sa hawn għax Lawrence Gonzi ma kienx kapaċi japplika għalih il-kejl li bih hu jkejjel lil ħaddieħor.

Il-Partit Nazzjonalista ġustament qed jitlob li l-Imħallef Lino Farrugia Sacco jirreżenja. Jekk il-PN japplika l-istess kejl għall-Kabinett ta’ Lawrence Gonzi m’għandix dubju li jinbidlu l-Ministri kollha, Gonzi innifsu inkluż!

3 comments on “Fil-Parlament għada t-Tnejn: mera għal Lawrence Gonzi

  1. Perit, dan hu artiklu bomba – certament juri sew dak li gara fil-parlament u specjalment fil-gvern f’din l-amministrazzjoni taht Dr. Lawrence Gonzi.
    Sa fejn naf jien Malta qatt ma kellha parlament ineffettiv u inutli (hung parliament) bhal ma kellha dawn l-ahhar xhur – u dan grazzi ghall-P.M. li,meta tilef il-maggoranza u sahansitra l-membri parlamentari nazzjonalisti qamu jikkritikawh, minflok sejjah elezjoni, kompla taparsi jiggverna meta l-pajjiz kien qieghed milqut hazin. Din serjeta, Onn. P.M.?
    Is-serjeta titlob li jkun hemm ”follow-up” minn l-amministrazzjoni prezenti ghall-punti li dwarhom ikkummentajt inti stess Perit f’dan l-artiklu.
    Inutli nistennew dan mill-P.M.
    Kulhadd issa jaf li dan jippriedka is-sewwa izda jwarrab meta jkun hemm kazijiet serji li jippuntaw serjament lejn inefficenza u korruzzjoni. Taf ghaliex jaghmel dan? Ghax ipoggi l-interess partiggan QABEL dak nazzjonali.. Halliha, li meta jaghmel dan ikun qed jirrovina l-istess partit li suppost qed jiddefendi!

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s