Jekk il-budget ma jkunx approvat

petrol_pump

Bosta qed jistaqsu: x’jiġri jekk il-budget ma jkunx approvat?

M’hux sewwa qed jgħidu oħrajn li fil-waqt li t-taxxi l-ġodda l-Gvern qed jiġborhom mill-ewwel il-benefiċċji irridu nistennew dwarhom.

Ir-risposta insibuha f’Liġi imsejħa Att dwar il-Protezzjoni tal-Erarju.

Fis-subartiklu (1) tal-artiklu 2 ta’ din il-Liġi insibu dawn il-kelmiet :

“Kull meta Ministru jagħti avviż lill-Iskrivan tal-Kamra tad-Deputati ta’abbozz ta’ liġi dwar dazju ġdid jew dwar żieda ta’dazju li ġà jkun hemm, dak id-dazju ġdid jew dik iż-żieda ta’ dazju għandhom jittieħdu u jinġabru, minn dik l-awtorità li tiġi stabbilita fl-abbozz bħala responsabbli għall-ġbir relattiv minn dak in-nhar li tinħareġ Proklama biex tgħarraf li ħareġ avviż kif imsemmi qabel.”

Din il-Liġi kienet ġiet introdotta fl-1928, jiġifieri meta fil-Gvern kien hemm Gerald Strickland tal-Partit Kostituzzjonali Prim Ministru f’koalizzjoni (Il-Compact) mal-Partit Laburista immexxi minn Pawlu Boffa.

L-Att V tal-1928 kien ġie introdott biex jiġi evitat li jkun hemm l-ispekulazzjoni meta tkun introdott xi dazju jew taxxa ġdida. Għax mingħajr din il-liġi hemm il-periklu tal-ispekulazzjoni kif ukoll ta’ attivita’ li tevadi d-dazju jew it-taxxi. Għax jekk bejn meta titħabbar dazju jew taxxa ġdida jew miżjuda u meta tibda tinġabar jista’ jkun hemm min, per eżempju, jixtri petrol jew diesel b’sisa baxxa u mbagħad jerġa’ jbiegħu meta togħla s-sisa u jdaħħal fil-but id-differenza.

Naħseb li lkoll naqblu li abbuż bħal dan m’għandux isir.

Imma imbagħad il-liġi taħseb ukoll x’jiġri jekk il-budget (jew il-liġi li tintroduċi t-taxxa jew dazju) ma jkunx approvat.

Is- subartiklu (1) tal-artiklu 3 jitkellem ċar ħafna u jgħid hekk :

“Kull somma li tinġabar minn dak id-dazju ġdid jew minn dik iż-żieda ta’ dazju għandha tinżamm b’depożitu u għandha titħallas lill-erarju wara li l-abbozz tal-liġi jiġi approvat għal kollox, jew tingħata lura lid-depożitant, kollha jew biċċa minnha, jekk l-abbozz ma jgħaddix jew jekk id-dazju kif propost jiġi mnaqqas, jew jekk l-abbozz ma jgħaddix fi żmien sitt xhur mill-ewwel laqgħa tal-Kamra tad-Deputati.”

Mela l-Gvern għandu sitt xhur ċans. Jekk sa sitt xhur iI-budget, jew il-liġijiet li jimplimentaw il-budget, ma jkunx approvat ikun irid jirrifondi t-taxxi li ġabar lura.

Hemm ukoll il-possibilta’ l-Gvern ikollu jħallas ukoll l-interessi. Imma dak dettall legali li jmur lil hinn mill-iskop ta’ dan il-blog.

Nota : l-kelma dazju tinkludi kull taxxa, immaterjalment x’tissejjaħ.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s