Il-pontijiet ta’ Tonio Borg

 

Il-proċess li bih il-Parlament Ewropew eżamina n-nomina ta’ Tonio Borg kienet opportunita li tikkuntrasta l-politika ta’ gonzipn ma dik Ewropeja.

Il-politika ta’ gonzipn hi wahda ta’ konfront. Dik Ewropeja hi waħda ibbazata fuq il-kunsens.

Gonzipn jippretendi li hu jiddeċiedi u ħaddieħor ibaxxi rasu u jappoġġah. Meta jiddeċiedi jiġi jaqa’ u jqum x’jaħseb ħaddieħor.

Meta sar ir-referendum dwar id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja il-PN ġustament stenna li l-Labour ibaxxi rasu għall-verdett popolari. Il-Labour dan m’għamlux u l-PN baqa’ jfakkru f’dan id-deficit demokratiku repetutament. U għamel sewwa.

Imma l-PN mhux veru jemmen dak li qal għax meta ġie r-referendum dwar id-divorzju kien diffiċli għalih li jaċċetta r-riżultat. Ma riedx ibaxxi rasu għall-volonta’ popolari.

Tonio Borg kien wieħed mill-Membri Parlamentari li minkejja r-riżultat popolari baqa’ sa l-aħħar jisfida l-verdett popolari. Kif jista’ għalhekk jitwemmen meta jgħid u jiddikjara li ma jħallix it-twemmin tiegħu ixekklu fil-qadi ta’ dmirijietu bħala Kummissarju?   Fil-każ tad-divorzju hekk għamel: mexxa skond dak li jemmen u mhux skond ir-rieda popolari.

Issa qed iwiegħed bil-maqlub.

Meta tqis kemm domna nisimgħu prietki dwar kif kellu l-obbligu li jimxi skond il-kuxjenza u mhux skond dak li iddeċieda r-referendum bil-fors jidħlu dubji serji dwar kif ser jaġixxi bħala Kummissarju.

Għalhekk il-Parlament Ewropew talab dik id-dikjarazzjoni umiljanti, għax dak li qal xorta ħalla d-dubji. Il-kliem meqjus fi tlett siegħat hearing ma ħassrux l-impatt ta’ snin ta’ ħidma politika.

Fid-dawl ta’ dan forsi issa huwa ċar iktar minn qabel li kien ikun ħafna aħjar li l-kandidat Malti għal Kummissarju Ewropew kien wieħed li dwaru kien hemm kunsens bejn il-forzi politiċi kollha. Il-fatt li intagħżel kandidat li dwaru ma kienx hemm kunsens wassal għal trattament umiljanti li seta kien evitat b’kandidat idoneju.

Issa li ġie approvat minkejja vot qawwi kontra tiegħu Tonio Borg għandu l-obbligu li jassigura li l-ħidma tiegħu tkun waħda li tħares il-valuri Ewropej u in partikolari d-drittijiet tal-minoranzi.

Id-dikjarazzjoni li Tonio Borg għamel wara l-elezzjoni li fi ħsiebu jibni l-pontijiet ma dawk li vvutaw kontra tiegħu hu sinjal pożittiv. Nittama li jirnexxilu.

Advertisements