Tonio Borg : lejlet il-vot

Il-Parlament Ewropew għada jivvota dwar jekk in-nomina mill-Gvern Malti ta’ Tonio Borg bħala Kummissarju Ewropew hiex waħda aċċettabbli.

Bl-appoġġ tal-Partit Popolari, l-Konservattivi, l-partiti tal-lemin (inkluż dawk ta’ Bossi u Le Pen) u numru mdaqqas mill-grupp soċjalista probabilment li jkun approvat b’mod partikolari wara d-dikjarazzjoni li iffirma. L-opposizzjoni ġejja mill-Liberali, mill-Ħodor, minn parti mis-Soċjalisti (fuq quddiem MEPs nisa u LGBT) u l-bqija tax-xellug.

Intqal ħafna dwar il-kandidatura ta’ Tonio Borg. Kull min ikkritikah għamel dan mill-ottika tiegħu.

Da parti ta’ Alternattiva Demokratika ikkritikajna n-nomina tiegħu bħala waħda li m’hiex addattata u dan in vista tal-posizzjonijiet politiċi li ħa matul il-karriera politika tiegħu. Hemm politiċi oħra li huma inqas kontroversjali u li ma ħadux posizzjoni ta’ konfront kontra l-gays u kontra d-divorzju . Il-posizzjoni ta’ Tonio Borg favur politika inumana dwar l-immigrazzjoni ġiet manifestat bl-appoġg da parti tiegħu għall-ftehim ta’ Berlusconi ma Gaddafi li bih bagħat l-immigranti lura fil-Libya għas-swat u t-tortura. Ġiet manifestata ukoll meta bagħat lura l-immigranti mill-Eritrea li spiċċaw sparixxew jew ġew ittorturati u dan kif ikkonkludew l-Amnesty International u l-UNHCR.

Filwaqt li hu floku li jingħad li matul il-hearing ta’ tlett siegħat li kellu fil-Parlament Ewropew Tonio Borg wera li kellu konoxxenza tajba tad-dikasteru  assenjat lilu naħseb li jkun għaqli li jkun emfasizzat li fi tlett siegħat ma tistax tħassar dak li tkun għamilt matul karriera politika sħiħa. Tista’ tipprova tispjega imma trid tkun konsistenti. Jekk ma tkunx ma tistax tikkonvinċi.

Matul it-tlett siegħat tal-hearing Tonio Borg impressjona li kien teknikament kompetenti. Iżda diversi li kellhom dubji dwar kemm il-passat hu mera tal-futur baqgħu bid-dubji. Għalhekk talbuh jagħmel dikjarazzjoni.

Id-dikjarazzjoni li Tonio Borg iffirma tiftaħ beraħ l-issue tal-abort. Il-PN tkaża meta MEPs mill-PL ivvutaw favur riżoluzzjoni fil-Parlament Ewropew li kellha referenzi mill-iktar indiretti għall-abort u dan fil-kuntest ta’ għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Kienu l-akkolti ta’ Tonio Borg fil-kampanja ta’ emendi kostituzzjonali dwar l-abort li fetħu l-kanuni. Issa naraw kemm huma lesti li jitkellmu fil-pubbliku dwar id-dikjarazzjoni ta’ Tonio Borg u kemm din tfisser appoġġ inkondizzjonat għall-abort fejn l-Unjoni Ewropea tista’ tagħmel dan.

Bid-dikjarazzjoni li iffirma Tonio Borg issa intrabat pubblikament li jpoġġi l-kuxjenza tiegħu fil-ġemb u jimplimenta dawk ir-rizoluzzjonijiet li ivvutaw favur tagħhom tal-Labour!

Dikjarazzjoni bħal din mhux kulħadd jagħtiha l-istess piz. Għax daqqa ta’ pinna ma tħassarx dak li temmen.

Ngħidu prosit?

Il-Kap tal-Verifika Interna tal-Gvern (Internal Audit and Investigations) qed tiġi investigata fuq allegazzjonijiet ippubblikati mill-gazzetta Malta Today li ħadmet bħala konsulenta u tat pariri lil ditta barranija dwar il-possibilita’ ta’ xiri tal-Casino di Venezia. Il-Kap taċ-Ċivil kellu jagħmel investigazzjoni!

Fiex waslet din l-investigazzjoni ma nafx. Nistennew u naraw xi skużi ser jinġiebu!

Issa ħarġet waħda aħjar! Fil-Parlament intqal li l-Ombudsman (il-Prim Imħallef Emeritus Dr Joseph Said Pullicino) filwaqt li hemm l-obbligu li ma jagħmel l-ebda xogħol barrani kien qed jagħmel xogħol ta’ arbitraġġ fiċ-Ċentru ta’ Arbitraġġ.

L-Ombudsman meta mistoqsi dwar dan ikkonferma u qal li dak li kien qed jagħmel seta jagħmlu.

Dan kollu irriżulta minn mistoqsija Parlamentari ta’ Helena Dalli lill-Ispeaker li ġiet imwieġba nhar is-6 ta’ Novembru 2012. Mid-dokumenti li  gew ippubblikati mill-Ispeaker liema dokumenti jikkonsistu f’ittri mktuba mill-Ombudsman, l-Ispeaker u l-Avukat tal-Ispeaker jirrizulta ħafna logħob bil-kliem jekk il-kliem preċiż tal-liġi tal-Ombudsman huwiex ċar li din il-ħidma (ta’ arbitraġġ) tal-Ombudsman ma tistax issir.

L-Ombudsman il-Prim Imħallef Emeritus Dr Joseph Said Pullicino jgħid li dak li għamel seta jagħmlu. L-avukat tal-Ispeaker jaqbel miegħu u jgħid li l-liġi tagħti lok għal interpretazzjonijiet varji.

In vista ta’ dan kollu u wara li nxteħet dubju li seta kien hemm konflitt mal-kariga li jokkupa l-Ombudsman iddeċieda li ma jaċcettax iktar inkarigi li jagħmilha ta’ arbitru. L-Ispeaker nhar is-6 ta’ Novembru 2012 informa lill-Ombudsman bil-miktub u qallu hekk:

“Jiena tal-fehma li fl-aħjar interess tal-uffiċċju tal-Ombudsman u tal-fiduċja pubblika f’tali uffiċċju, sabiex ikun evitat kull ekwivoku jkun għaqli li l-Ombudsman u l-Kummissarji nominati taħt l-Att dwar l-Ombudsman m’għandhom jagħmlu l-ebda ħidma oħra għall-qliegħ jew rikompens iehor, anki jekk din il-ħidma ssir b’mod okkazjonali.”

Qegħdin tajjeb. Dawk li ġew maħtur biex jgħassu għandhom bżonn ikunu mgħassa huma!  L-ewwel l-awditur intern tal-Gvern u issa l-Ombudsman.

Naħseb li la l-Prim Imħallef Emeritus Joseph Said Pullicino u l-anqas is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru inkarigata mill-Verifika Interna m’huma ser jirreżenjaw. Bil-kemm ma jistennewx li ngħidulhom prosit.

Qiesu ma ġara xejn! Dawn huma l-valuri godda tal-pajjiz.