Ras il-Ħuta

Il-Malta Today illum kompliet bl-istorja dwar is-Segretarju Permanenti fiċ-Ċivil inkarigata mill-Verifika Interna tal-Gvern (Internal Audit and Investigations Department).

L-istorja issa ilha għaddejja u mhux aċċettabbli li l-Prim Ministru jwaħhal f’denbu (l-Kap taċ-Ċivil) billi jgħid li dan għandu jinvestiga.

L-allegazzjonijiet li saru u li issa huma iktar dettaljati b’ismijiet u dati jagħtu stampa ċara ta’ sitwazzjoni li min hu inkarigat biex jissorvelja l-operat taċ-Ċivil hu stess hu involut f’attivita’ mhux permissibli.

Dan waħdu hu biżżejjed biex iqajjem diversi mistoqsijiet dwar kif inhu possibli li min jaħdem b’dan il-mod jista’ qatt inissel sens ta’ imġieba etika f’ta’ madwaru. Għax jekk is-Segretarju Permanenti fl-OPM responsabbli mill-Verifika Interna m’għandiex skrupli li tagħmilha ta’ konsulent għas-settur privat (waqt li tibqa’ tokkupa kariga pubblika) kif qatt tista’ tieħu passi effettivi fuq każi ta’ gravita’ simili li minn żmien għal żmien jixħtu dell tqil fuq l-integrita’ tas-settur pubbliku?

B’dan il-każ nistgħu nifhmu iktar għalfejn dwar diversi materji qatt ma jsir xejn.

Meta min suppost jissorvelja m’għandux sens ta’ etika, kif nistgħu qatt nippretendu li ħaddieħor iktar l-isfel fl-istruttura tas-settur pubbliku jagħti każ?

Kif ngħidu:  l-ħuta minn rasha tinten.

Fuq l-istess suġġett ara ukoll fuq dan il-blog : Fuq nett fiċ-Ċivil …….. fejn jaħraq ħafna. 5 ta’ Novembru 2012