Mhux aħjar tirtira n-nomina ?

Qabel ma Lawrence Gonzi innomina lil Tonio Borg bħala Kummissarju Ewropew suċċessur Alternattiva Demokratika kienet insistiet li kien neċessarju li l-kandidat Malti jkun wieħed riżultat ta’ kunsens. Kandidat li fuqu jkun hemm qbil.

Lawrence Gonzi ma qabilx: webbes rasu u innomina lil Tonio Borg.

In-nomina ta’ Tonio Borg ma kienitx adatta għal Malta. Kienet adatta għal Gonzi għax warrablu minn Viċi Kap tal-PN.

Kuljum qed jintqalu affarijiet ġodda dwar Tonio Borg. Issa intqal li l-Parlament Ewropew qed jinvestiga materja ta’ serjeta’ kbira li fiha qed jissemma isem Tonio Borg: il-permess ta’ residenza ta’ dak li kien ħaten il-mexxej tal-Kazakstan. Il-Euractiv.com dal-għodu qaltilna : Malta’s choice for Commission faces grilling over Kazakh connection.  Din il-materja qamet ukoll dal-għodu waqt il-konferenza stampa li l-Kummissjoni Ewropeja tindirizza kuljum fi Brussels.

X’jonqos?

Mhux aħjar tirtira n-nomina ta’ Tonio Borg Dr Gonzi, qabel ma tkompli timbarazza lil Malta?