Xi xhur ilu Alternattiva Demokratika bdiet dibattitu dwar ir-rwol li għandhom l-impjegati fis-settur pubbliku fil-politika.
Id-Direttiva Numru Ħamsa li nħarġet mill-Kap taċ-Ċivil tiddistingwi bejn dawk l-impjegati pubbliċi li jistgħu jieħdu sehem fil-politika u dawk li ma jistgħux.
Dawk fl-iskali ta’ fuq nett ma jistgħux jinvolvu ruħhom fil-politika. Il-loġika wara din ir-regola hi li min hu fil-gradi ta’ fuq fiċ-Ċivil huwa involut sewwa fit-teħid tad-deċiżjonijiet, fl-għoti ta’ pariri li jwasslu għal deċiżjonijiet kif ukoll f’investigazzjonijiet interni li jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet ta’ natura iebsa. Għalhekk tajjeb li joqgħod il-bogħod mhux biss mill-kunflitt ta’ interess iżda ukoll mill-potenzjal tal-kunflitt ta’ interess.
Jekk dawn ir-regoli japplikaw għal kulħadd, taqbel jew ma taqbilx magħhom tbaxxi rasek.
Imma imbagħad jiġru affarijiet li jġiegħluk taħseb li donnu hemm min għalih hemm regoli oħra. Regoli differenti.
Ma nafx jekk tiftakrux li fil-kampanja referendarja tad-divorzju kien hemm wieħed imlaħħaq fiċ-ċivil li kellu l-grad ta’ Segretarju Permanenti u kien qed jaqdi doveri ta’ Deputat Segretarju tal-Kabinett. Dan applika u ngħata permess biex jieħu leave bla ħlas biex ikun jista’ jieħu sehem fil-kampanja referendarja. Ingħata permess għax ġie ikkunsidrat li l-kampanja referendarja ma kelliex x’taqsam mal-politika!
Ma nafx b’liema immaġinazzjoni tista’ tasal għal din il-konklużjoni ħlief bir-riga tal-Opus Dei!
Issa għandna oħra. Uffiċjal għoli fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ukoll fil-grad ta’ Segretarju Permanenti b’doveri tal-Kap tad-Dipartiment tal-Verifika Interna u Investigazzjonijiet ngħatat permess biex tokkupa l-post ta’ Direttur mhux Eżekuttiv ta’ kumpanija tal-logħob tal-azzard (gaming). Qed jingħad ukoll li din kienet f’posizzjoni li tagħti pariri u konsulenza lil kumpanija f’din l-industrija dwar ix-xiri ta’ sehem fil-Casino di Venezia fil-Birgu.
Il-loġika ta’ dawn id-deċiżjonijiet jiena ma nistax nifhimhom. L-intriċċi tal-politika huma meqjusa perikolużi għaċ-Ċivil. Imma dwar l-intriċċi tal-business donnu li dak ma jimpurtax. Hu biss bil-loġika tal-Opus Dei li forsi jinftehmu dawn l-affarijiet!