F’Għajn Qasab limiti tan-Nadur Għawdex l-inkwiet għadu għaddej. L-Kappillan tan-Nadur qed jagħmel biċċa business bl-oqbra. Business li wiret mill-Kappillan ta’ qablu. Qaluli li hu speċi ta’ timeshare bl-oqbra.
Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni għaddej u l-ħsara lill-biedja fl-inħawi m’hiex żgħira. Is-sistema ta’ irrigazzjoni li ilha taħdem minn żmien il-kavallieri ġiet imħarbta biex il-Kappillan jagħmel il-business bl-oqbra. Sa minn żmien il-kavallieri missierijietna kienu għaqlin biżżejjed biex fasslu sistema li iżżomm l-ilma u titilqgħu ftit ftit. Hekk li meta tagħmel ix-xita l-ilma jinħażen u matul is-sena sa Awwissu u anke Settembru titlaq dan l-ilma ftit ftit. Dan l-ilma għal dawn l-aħħar tlett mitt sena intuża biex f’Għajn Qasab hemm qasam kbir mimli siġar taċ-ċitru. Issa l-ilma naqas. Jiġi f’daqqa malli tagħmel ix-xita u wara ftit li xejn.
L-effetti fuq il-bdiewa ġja bdew. Raba’ mingħajr ilma matul is-sena bil-fors tnaqqas il-frott li trodd.
Il-Kappillan inkwetat. Mhux għall-bdiewa u l-għixien tagħhom li hu mhedded. Hu inkwetat li l-appell fil-MEPA kontra l-bini taċ-ċimiterju għadu għaddej u ma jafx meta ser ilesti. Min tah il-flus għall-oqbra qed igorr.
Jiena infurmat li din il-ġimgħa dawk viċin il-kappillan bdew jiġbru l-firem. Lin-nies qalulhom li dwar il-permessi għad hemm il-problemi. Imma li l-business tal-Kappillan qed jagħmel il-ħsara lill-bdiewa ħadd ma qalilhom xejn dwaru.
Dwar dan messu jitkellem Dun Mario!