Ħalluna naħdmu ………ħalluna ngħixu

Ħalluna naħdmu.

Hekk qal l-iżviluppatur Sandro Chetcuti waqt laqgħa organizzata man-nies tan-negozju mill-Partit Laburista. Dan hu slogan li qed jintuża issa biex ifisser ġlieda kontra l-burokrazija. Fost oħrajn kontra l-hekk imsejħa burokrazija fil-MEPA.

Qalulna li fil-Ġermanja permess ta’ żvilupp joħroġ fi tlett xhur iżda f’Malta jieħu ta’ l-inqas tmien xhur.

Li ma qalulniex li f’Malta l-industrija tal-bini tħalliet għal snin sħah tagħmel prattikament dak li trid. Bil-konsegwenza li presentement hawn iktar minn 70,000 post residenzjali vojt. Dawn il-postijiet vojta huma ekwivalenti għal 9 darbiet daqs iż-żona residenzjali ta’ B’kara.

Ma qalulniex li minkejja l-attaparsi kontrolli l-MEPA ħarġet permessi li qatt ma kellhom joħorġu.

Il-Lidl ta’ Ħal Safi inbena bħala riżultat ta’ permess ta’ żvilupp li qatt ma kellu joħroġ. Tant li wara li l-Uffiċjal tal-Verifika (Audit Officer) tal-MEPA fi Frar 2008 ikkonkluda l-investigazzjoni tiegħu kienet irreżenjat il-Kummissjoni għall-Kontroll ta’ l-Iżvilupp.

Il-Lidl ta’ Ħal-Luqa mhux biss nbena f’żona li ma kienx permess li jsir dan il-bini talli l-parkeġġ tiegħu qiegħed sitwat taħt l-aħħar parti tal-flight path għall-mitjar internazzjonali ta’ Malta. Jiena infurmat li waqt li kien għaddej ix-xogħol ta’ kostruzzjoni fis-sit tal-Lidl f’Ħal-Luqa minħabba l-jib tal-krejnijiet li kien hemm fil-parking area l-aċċess għall-mitjar ingħalaq għal xi ħin. Huma u neżlin l-ajruplani tant ikunu fil-baxx meta jkunu fuq il-parkeġġ tal-Lidl ta’ Ħal-Luqa li kien hemm periklu serju ta’ inċident minħabba dawn il-krejnijiet.

Il-problemi konnessi mal-MEPA huma is-swaba politiċi li hemm fiha l-ħin kollu. Ir-riforma tal-MEPA ma indirizzatx l-iżjed element essenzjali u ċjoe kif jinħatru dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. Dwar dan Alternattiva Demokratika fil-manifest elettorali li ser tippreżenta għall-elezzjoni ġenerali li għandna wara l-bieb ser terġa’ tipproponi soluzzjoni li lill-politiku toħorġu l-barra mill-proċess li permezz tiegħu preżentement qiegħed involut direttament fid-deċiżjonijiet u minflok issaħħaħ ir-rwol tiegħu (tal-politiku) fejn tidħol is-sorveljanza.

Il-MEPA għandha rwol importanti. Sfortunatament m’hiex titħalla taqdi dan ir-rwol. Tkun tista’ taqdi dan ir-rwol meta jinħatru persuni kapaċi fit-tmexxija tal-MEPA. Dawn il-persuni jeħtieġ li jkunu disponibbli biex kontinwament jagħtu kont ta’ egħmilhom. Ir-rwol tal-MEPA mhux biss li toħroġ jew iżżomm il-permessi tal-iżvilupp. Fuq kollox għandha l-obbligu li fid-deċiżjonijiet tagħha u permezz tagħhom tassigura li l-kwalita’ ta’ ħajja li ngħixu lkoll kemm aħna titjieb.

Biex dan ikun jista’ jsir il-MEPA trid trabbi is-snien mal-Gvern u l-awtoritajiet pubbliċi. (Għax fost l-agħar deċiżjonijiet tal-MEPA hemm dawk fejn huwa involut il-Gvern: il-power station f’Delimara, il-Freeport f’Birzebbuga, l-impjant tal-iskart ta’ Sant’ Antnin f’Marsaskala……) Meta dan ikun jista’ jsir, imbagħad  ikun possibli li jingħad li l-MEPA qed taqdi l-missjoni tagħha.

Ħalluna ngħixu!