L-Isptar San Filep: sal-elezzjoni

It-Times qaltilna dal-għodu li l-kuntratt dwar San Filep ser ikun iffirmat dalwaqt.

Il-Gvern iddeċieda li jibqa’ għaddej minkejja li hu ċar li fil-Parlament hemm maġġoranza li ma taqbilx miegħu.

Min Gvern li jipprietka li “Flimkien kollox possibli” l-inqas li kont nistenna kienet li jkun umli biżżejjed li jirrealizza li hemm dubji kbar fuq il-mod kif qed imexxi.

Id-deċiżjoni tal-Gvern li jibqa’ għaddej minkejja li fil-Parlament hemm mozzjoni li titlob li jsir skrutinju qabel mal-Gvern jorbot il-kaxxa ta’ Malta għal infieq inutli hi biss sfida. Il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi jrid jisfida u fl-istess ħin m’għandux il-kuraġġ li jiffaċċa l-proċess demokratiku. Meta partit politiku jimxi b’dan il-mod ifisser li tilef ir-raġuni.

Il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi hu interessat biss li jidher li qed jagħmel xi ħaġa issa. Taparsi. Jaf li meta jiġi l-waqt biex jiddeċiedi jekk jixtrix l-isptar jew le ma jixtrihx għax il-permess għal 280 sodda diffiċli biex joħroġ mill-MEPA.

Imbagħad ikun irid jinbeda kollox mill-ġdid. Imma l-elezzjoni tkun ġiet u marret!