L-isptar St Philip fil-Parlament

Il-lejla fil-Parlament l-Opposizzjoni sfurzat lill-Gvern jiddibatti l-proċess li wassal għad-deċiżjoni li l-Gvern jikri bid-dritt li eventwalment jikkunsidra li jixtri l-isptar St Philip propjeta’ ta’ kumpaniji kkontrollati mit-Tabib Frank Portelli.

Jiena smajt il-kelliemi kollha. Il-kwieti u l-imqarbin. Tal-Gvern, l-Opposizzjoni u l-Indipendenti.

Konvint iktar minn qatt qabel li jkun għaqli li qabel ma tittieħed id-deċiżjoni li l-kuntratt ikun iffirmat għandhom ikunu eżaminati r-rapporti kollha li saru in konnessjoni  mal-funzjoni li dan l-isptar jista’ jkollu.

L-istimi ta’ valur issa saru pubbliċi, jonqos ir-rapporti u l-istimi dwar ix-xogħol ta’ riabilitazzjoni li issemmew waqt id-dibattitu. Dawk għadhom imsakkrin! Għad hemm ħafna affarijiet li m’humiex ċari.

Il-Ministru Fenech ħass il-ħtieġa li jemfasizza kemm il-proċess kien wieħed legali. Tajjeb. Imma r-riżultat ma jikkonvinċix lil diversi.

Il-Gvern ilu s-snin jikkunsidra din il-proposta. Issa wasal iż-żmien li l-Parlament jgħarbel dak li sar. Wara tkun tista’ tiġi ikkunsidrata d-deċiżjoni.

Fil-fehma tiegħi l-aħjar triq hi dik. L-ewwel l-għarbiel, wara d-deċiżjoni.

Dalgħodu fuq l-Orizzont

L-Orizzont illum għoġobhom jippubblikaw kummentarju dwar il-każ tal-isptar St Philip ibbażata fuq dak li nikteb fuq il-blog tiegħi.  Dik hi għażla tagħhom u għandhom kull dritt li jagħmlu hekk għax l-informazzjoni hi aċċessibli b’mod liberu.

L-Orizzont jippreferu jirreferu għalija bħala ex-President tal-PN (kont fil-fatt President tal-Kunsill Amministrattiv tal-PN fis-snin 90) imma jinsew li illum jiena Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. Dan ma jagħmluħx bi svista iżda b’intenzjoni politika li jnaqqsu referenzi kemm jistgħu għal Alternattiva Demokratika.

Qaluli ukoll li fuq Tvam dal-għodu b’intervista fuq it-telefon Frank Portelli kullma qal kien li jiena qed jikkritikah għax ma’ għamiltx ix-xogħol jien dwar valutazzjoni ta’ propjeta konnessa mal-isptar. It-tweġiba tiegħi lil Frank hi waħda sempliċi. Kont nagħmlu iktar serju minn hekk.  Jiena f’dak li għidt illimitajt ruħi għall-fatti li bil-gżuż ta’ ġurnalisti investigattivi jiġru mas-saqajn qiesu ħadd ma nduna bihom! Jew jekk indunaw għamlu ta’ bir-ruħhom li ma ndunawx.

Dak li qed jiġri in konnessjoni mal-Isptar St Philip’s hu tal-mistħija u kont nistenna li persuna li kontinwament titkellem fuq il-ħtieġa ta’ tmexxija sewwa (good governanace) tkun konsistenti.

Dak li ktibt dwaru jiena, sfortunatament il-ġurnalisti stabiliti injorawh għal ġimgħat sħaħ. Ikun tajjeb kieku jwieġbu ftit u jispjegaw għaliex qadu jistennew lili u l-blog tiegħi!

Verament ġurnaliżmu fuq kollox!