L-aħbar tal-bieraħ fil-għaxija li l-Gvern ser jgħaddi l-każ tal-Isptar St Philip lill-Awditur Ġenerali biex jeżaminah għall-ewwel qiestha bħala pass pożittiv. Sakemm irrealiżżajt li dan il-Gvern ser jagħmlu wara li l-kuntratt, li permezz tiegħu jikri l-Isptar filwaqt li jżomm id-dritt li jixtri, ikun ġie iffirmat.
Jekk qatt kellna bżonn prova kemm il-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi jiddisprezza l-Parlament issa din il-prova jista’ jmissha kulħadd b’idejh. Il-Gvern m’huwiex lest li jbaxxi rasu għall-Parlament li għandu quddiemu mozzjoni ippreżentata minn Franco Debono biex il-proċess kollu jkun eżaminat. Il-Gvern biex jevita li l-Parlament jorbotlu idejh qed iħaffef biex jikkonkludi kollox ħalli jekk u meta l-Parlament jesprimi ruħu jkun tard wisq.
Dan kollu ma tantx jitfa’ dawl sabiħ fuq il-kredenzjali demokratiċi tal-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi.
Dan juri kemm hi difettuża is-sistema demokratika tagħna li s’issa għad ma fehmitx l-importanza li l-ebda partit politiku ma għandu jkun afdat waħdu bit-tmexxija tal-Gvern. Għax issa li l-Gvern qed jaħrab mill-Parlament l-uniku possibilita’ li jkunu ikkontrollati l-abbużi hi permezz ta’ xi membru tal-Kabinett li jkollu l-kuraġġ li jieqaf lil Lawrence Gonzi. Safejn naf jien ma hemm l-ebda wieħed minnhom li għandu l-kuraġġ li nhar it-Tnejn li ġej idur fuq sħabu u jgħidilhom li issa qed jabbużaw iż-żejjed. Il-membri tal-Kabinett huma kollha membri tal-istess Partit u ilkoll kemm huma jpoġġu l-lealta’ tagħhom lejn Lawrence Gonzi qabel il-lealta’ tagħhom lejn il-pajjiż.
Il-poter li għandhom il-Ministri u l-Gvern joħroġ mill-fatt li huma membri tal-Parlament. Gvern serju ġaladarba ġie ikkontestat il-mod kif huwa qed jaġixxi kien iħaffef biex iressaq quddiem il-Parlament il-mozzjoni li hemm pendenti dwar l-Isptar St Philip. Gvern immexxi min-nies ta’ rieda tajba hekk jagħmlu.
Prim Ministru serju hekk jagħmel. Iqum biex jiffaċċja is-siegħa tal-prova. Is-siegħa tal-verita’. Imma Gonzi kodard. Jipprietka li s-siegħa tal-prova waslet imma kontinwament jipposponi l-appuntament tiegħu. M’għandux il-kuraġġ li jiffaċċjah.
Il-politika m’hiex logħba ċess. Hi strument ta’ servizz. Sfortunatament bil-manuvri u l-maniġġi tiegħu Lawrence Gonzi qed jagħmel ħsara kbira lill-politka f’Malta, imma fuq kollox qed jikkundanna lill-Partit Nazzjonalista għal snin twal fl-Opposizzjoni.
Is-siegħa tal-prova qegħda wara l-bieb. Inutli li tipprova tisgiċċa.