Bizzilla ta’ Malta

Il-ftehim konkluż dwar l-isptar St Philip bil-fors ikun soġġett għal-lenti politika. Dan għal diversi raġunijiet.

Il-ftehim qed isir lejliet l-elezzjoni ġenerali ftit snin wara li fetaħ l-isptar Mater Dei li fih intefqu flejjes kbar: il-miljuni. Qed isir ma persuna politika (it-Tabib Frank Portelli) li hu kritiku ħafna tal-politika tas-saħħa tal-Gvern. Dan waħdu jqajjem il-mistoqsija jekk il-kritika tat-Tabib Frank Portelli kienitx motivata biss min-nuqqasijiet fis-sistema tas-saħħa jew inkella jekk il-ħtieġa li jinħoloq suq għall-isptar tiegħu kienx motiv addizzjonali importanti!

Irridu naraw jekk il-kritika li kienet għaddejja mit-Tabib Frank Portelli fuq diversi stazzjonijiet tal-televiżjoni issa hux ser tkompli, inkella hux ser ikollna pawsa twila.

It-tieni osservazzjoni hi dwar il-fatt li ma ħarġitx sejħa għall-offerti. Intqal li ir-regolamenti finanzjarji jeżentaw lill-Gvern minn obbligu bħal dan f’każ ta’ kiri jew xiri ta’ propjeta’. Jekk dan hux minnu ma nafx.

Fl-opinjoni tiegħi ma jagħmilx sens li għal xiri ta’ oġġetti jew servizzi mill-Gvern għall-valur ta’ madwar €5,000 trid tinħareġ sejħa għall-offerti (tender) dwarhom imma l-infieq ta’ miljuni fil-kiri/xiri ta’ sptar m’hemmx dwaru l-istess ħtieġa!

Dan il-ftehim għall-kiri/xiri tal-isptar St Philip jidher li inħadem bizzilla għal ċirkustanzi partikolari.

Jipprova jsolvi l-problema tan-nuqqas ta’ sodod fl-isptar Mater Dei. Imma jidher li ser jirriżolvi ukoll il-problemi finanzjarji konnessi mal-isptar. Sptar li ilu magħluq ftit.

Intqal fil-gazzetti ta’ dawn l-aħħar ġimgħat li hemm diversi kredituri li qed jiġru wara flushom, biex jitħallsu tas-servizzi/materjal u oġġetti ta’ natura medika li biegħu lill-Isptar. Il-ftehim jidher li ser jagħmilha possibli li jitħallsu l-kontijiet u jnaqqas l-uġiegħ ta’ ras ta’ sid l-isptar. Forsi jkun jista’ jevita ukoll xi talba għall-bejgħ bis-subbasta!

X’kontijiet hemm pendenti m’huwiex magħruf għax l-audited accounts tal-kumpaniji assoċjati mal-isptar St Philip għal dawn l-aħħar snin jidher li ma ġewx ippreżentati lir-reġistratur tal-kumpaniji.

Biex inkun ċar m’hux qed nitkellem dwar korruzzjoni. Qed nitkellem iżda dwar tmexxija ħażina (bad governance).

Sadanittant nistenna lill-ġurnalisti investigattivi li jitfgħu izjed dawl fuq il-kaz.

Probabilment li ser nibqa’ nistenna!

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s