Lawrence Gonzi u l-mument tal-verita’

Il-Gvern, qalilna Gonzi ser jippreżenta l-budget u dan ser ikun il-mument tal-verita.

Gonzi uża lingwaġġ ftit bombastiku biex jilgħabha tal-vittma.  Gonzi qalilna li kulħadd irid jerfa’ r-responsabbilta’ tiegħu.

Fiċ-ċirkustanzi preżenti l-verita’ hi li l-budget hu irrelevanti. Bħall-Gvern.

Il-Gvern ma jafx fejn qiegħed. Kull fejn isib l-iebes jirtira. Bħalma għamel dwar il-parkeġġi. L-ewwel għaffiġha. Meta permezz ta’ żewg mozzjonijiet ippreżentati fil-Parlament (waħda mill-Opposizzjoni u l-oħra minn Franco Debono) ġie ikkontestat dak li għamel Austin Gatt il-Gvern daqq l-irtirata.

Hu Gvern li ma jafx x’inhu jagħmel.  Bħar-riforma tat-trasport pubbliku li minkejja l-infieq f’ruxxmata konsulenzi għad ma tatx ir-riżultat mixtieq, sena u nofs wara li bdiet.

Bħat-taħwida tal-Fairmount. F’hiex waslet l-inkjesta? Min kien responsabbli għat-telf kbir li għamlet it-tarżna minn dan il-kuntratt li kompliet tagħtiha d-daqqa mortali? Mhux Austin Gatt ukoll kellu jġorr ir-responsabbilta’ politika għal dan il-falliment?

 

Veru, l-mument tal-verita’ qiegħed wara l-bieb: il-budget hu irrelevanti.